Saturday, December 21, 2024

Każ skabruż għal Poirot

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Denzel Washington ma seta’ jagħmel xejn kontra s-soru f’“The Nun II”. Dan is-sequel tal-orrur kellu dħul tajjeb ta’ $32.6 miljun fl-ewwel tmiem il-ġimgħa, kważi d-doppju kemm “The Equalizer 3” kellu dħul fit-tieni ġimgħa. Xorta “The Nun II” ma kellux is-suċċess ta’ l-ewwel wieħed billi fl-opening weekend meta ħareġ fl-2018, “The Nun” kellu dħul ta’ $53.8 miljun. 

Film ieħor ġdid fit-teatri Amerikani fi tmiem il-ġimgħa kienet il-kummiedja romantika “My Big Fat Greek Wedding 3” li ddebutta fit-tielet post. Thriller mimli azzjoni bil-lingwa Hindu, “Jawan”, tela’ fir-raba’ post. “Barbie” żamm post ma’ l-ewwel ħamsa tal-box office Amerikana.

A Haunting In Venice

“A Haunting in Venice” hu t-tielet film għal Kenneth Branagh fejn qed jilbes tliet kpiepel: dak ta’ producer, direttur u l-interpritazzjoni tal-parti prinċipali, d-detektiv Hercule Poirot.

Iż-żewġ films l-oħra fejn Kenneth Branagh ħadem films ta’ Hercue Poirot kienu: “Murder On The Orient Express” li parti żgħira fil-bidu tal-film kien inħadmet hawn Malta; u t-tieni wieħed hu “Dead On The Nile”.

In-narrattiva teħodna ftit wara dak li rajna jseħħ f’“Death on the Nile”. Poirot mar joqgħod ġo Venezja, fejn rtira u jaffordja bodyguard 24 siegħa kuljum. Dan ikun Vitale Portfoglio (Riccardo Scamarcio), u xogħlu hu li jipproteġi lil Poirot minn dawk in-nies li kienu jiffittawh fit-toroq biex jakkwistaw is-servizzi tiegħu.

Minkejja li Poirot jinsisti li mgħandux ħbieb, huwa jkollu żjara minn Ariadne Oliver (Tina Fey), kittieba ta’ kotba b’stejjer mimlija misteri. Ariadne tistieden lil Poirot jattendi għal séance fil-lejl ta’ Halloween, organizzata minn kantanta rtirata tal-opri, Rowena Drake (Kelly Reilly). Rowena tkun toqgħod f’palazz li hemm l-għidut li nħakem mill-ispirti wara l-mewt ta’ bintha Alicia (Rowan Robinson). Kontra qalbu, Poirot jaċċetta li jilqa’ l-istedina.

Mal-wasla tiegħu, Poirot jiġi bbumbardjat b’ħafna xnigħat u miti dwar dan il-palazz, li darba serva anke bħala orfanatrofju. Poirot ikun xettiku dwar dawn l-istejjer, anke wara l-wasla ta’ Mrs. Reynolds (Michelle Yeoh) li tidher li kapaċi issejjaħ l-ispirtu ta’ Alicia waqt seduta ta’ l-ispiritisti. Isir attent fuq Poirot minn xi ħadd li ma jingħarafx u wara persuna minn dawk preżenti tisfa’ maqtula.

Hawnhekk tiskatta l-investigazzjoni ta’ Poirot li jsakkar lil kulħadd fil-palazz biex jara liema persuna hi l-qattiela. U safejn possibbli anke isib il-veritá dwar dawn l-istejjer.

Tipikalment ta’ films bħal dawn, l-għażla tal-atturi hi kruċjali. Kenneth Branagh jipproġetta karattru ta’ wieħed aktar ħosbien mill-ewwel żewġ films tiegħu bħala Poirot.

Il-film hu ispirat mill-istorja li nsibu fil-ktieb Hallowe’en Party li Agatha Christie ppubblikat fl-1969. Din hi l-ewwel draba li dan ir-rumanz ġie adattat għal fuq l-iskrin il-kbir.

“A Haunting In Venice” hu kklassifikat 12A minħabba referenzi ħfief għas-sess.

The Nun II

Għaxar snin ilu ngħata bidu għall-franchise tal-orrur bil-film “The Conjuring li fiha jidhru Patrick Wilson u Vera Farmiga. Dan il-film kien ispirat mill-esperjenzi tal-investigaturi tal-paranormal, Ed u Lorraine Warren.

Is-suċċess ta’ l-ewwel film anke ta lok biex anke ħarġu minnu spinoffs. Wieħed minhom permezz ta’ “Annabelle” u t-tieni spinoff kien “The Nun”. Tispikka din il-franchise- għall-fatt li hi cost-effective – films maħduma b’baġit żgħir imma b’xi mod imorru tajjeb fil-box office.

Issa għandna “The Nun 2” li hu d-disa’ film f’din il-franchise. Il-protagonista hi Taissa Farmiga, oħt Vera li dehret f’ħames films minn din il-franchise.
Ftit aħjar mill-ewwel wieħed għax għandu narrattiva li tagħmel aktar sens, insibu lil Taissa Farmiga tirritorna fil-parti ta’ Sister Irene.

Wara l-ġrajja tal-ewwel film, Sister Irene tipprova titbiegħed minn għajn in-nies sakemm jitfaċċa rappreżentant mill-Vatikan li jitlob l-għajnuna ta’ din is-soru minħabba l-imwiet strambi ta’ xi qassisin.

It-tir hu li jmorru f’skola tal-bniet f’Aix-en-Provence li darba kienet monasteru u fejn il-kappella kienet intlaqtet b’bomba waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Hemmhekk ikun hemm il-lavrant Maurice (Jonas Bloquet) li jista’ jkun għodda biex is-soru mxajtna ((Bonnie Aarons)) tagħmel ir-ritorn tagħha.

Id-direttur Michael Chaves għażel knisja abbandunata ġo Franza biex iffilmja.
“The Nun 2” hu kklassifikat 15 minħabba xeni qawwija ta’ biża’, vjolenza, abbuż domestiku u lingwaġġ.

Ekonomija

Sport