Saturday, November 23, 2024

Każ wieħed ġdid ta’ Covid-19; Il-każi fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far issa jammontaw għal 50

Aqra wkoll

Matul dawn l-aħħar 24 siegħa mid-944 test li saru rriżulta każ wieħed biss ġdid ta’ persuna infettata bil-Covid-19. Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat l-aġġornament dwar il-każi ta’ coronavirus f’pajjiżna.

Il-Professur Gauci qalet li meta wieħed iżid dan il-każ, it-total kumplessiv ta’ persuni li ġew infettati bil-Covid-19 jammonta għal 468, bin-numru tal-iswabbing issa jlaħħaq il-35,117 test.

Hija tenniet li matul dawn l-aħħar sigħat kien hemm 12-il persuna oħra li rkupraw mill-virus, biex issa n-numru ta’ persuni li fiequ mill-coronavirus jammonta għal 379. Dan ifisser li n-numru ta’ każi attivi issa jammonta għal 85.

Intant b’referenza għall-każ ġdid li ġie reġistrat f’dawn l-aħħar sigħat, il-Professur Gauci qalet li dan huwa resident fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, bil-persuna inkwistjoni tkun raġel ta’ 27 sena mis-Sudan. B’kollox s’issa kienu reġistrati 50 każ ta’ persuni li ġew infettati bil-Covid-19 fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.

Hija għamlet referenza wkoll għall-applikazzjoni tas-‘symptom checker’, b’mal-15,000 persuna jidħlu jagħmlu dan it-test, li jsir fuq bażi anonima. Il-Professur Gauci tenniet ukoll li 1,700 persuna li daħlu fis-sit bgħamlu dan it-test għal xi ħadd li jiġi minnhom.

Sport