L-avukata u attivista tal-Fondazzjoni għad-drittijiet tan-nisa Lara Dimitrijevic żvelat li aktar kmieni dalgħodu fetħet żewġ każi ta’ libell f’isem il-koppja Prudente kontra l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u l-akkademiku Simon Mercieca.
Dimitrijevic kompliet biex tgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni u dawk kollha li tkellmu f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-parlament ma kellhomx jinħbew wara l-privileġġ parlamentari biex iqajmu l-punti tagħhom.
Żiedet tgħid li l-inqas ħaġa li jistgħu jagħmlu jekk għandhom farka diċenza hija proprju li jitolbu skuża għall-insensittività fil-kummenti tagħhom. “Jekk le, tistgħu tagħmlu bħalma kien qal l-eks Kap tagħkom f’diversi okkażjonijiet “barra” għax ma jkunx jixirqilkom siġġu fil-parlament”, tenniet Dimitrijevic.
X’qal Azzopardi?
“Trid tkun verament żibel biex tikkonfoffa ma’ terzi barra minn Malta biex mara tqila tinġieb f’Malta ħalli tqum il-kontroversja tat-terminazzjoni tat-tqala għax taparsi kienet f’periklu”. Kiteb dan fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi filwaqt li kompla biex jisħaq li dak li kien qiegħed jikteb ma kinitx ipoteżi jew teorija iżda verità oġġettiva fattwali li seħħet.