Thursday, December 26, 2024

“Kburi li jien Malti u kburi b’pajjiżi” – Il-PM

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt intervista li kellu aktar kmieni dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela beda biex jgħid li akkost ta’ kollox minkejja ċ-ċokon tagħna, pajjiżna jrid jagħmel il-pożizzjoni tiegħu soda fl-Unjoni Ewropea. Rigward il-wasliet tal-immigranti, Abela qal li l-pożizzjoni ta’ pajjiżna hija ċara u f’Settembru pajjiżna rnexxielu jwaqqaf id-dħul, b’xahar sħiħ mingħajr ma daħlet l-ebda persuna f’pajjiżna. Abela kkonferma li lbieraħ daħlu 38 persuna, iżda li diġà bdiet ħidma fejn pajjiżna qed iżomm pożizzjoni ċara li dawn iridu jiġu ripatrijati. Intant Abela appella lill-Kap il-ġdid tal-Oppożizzjoni biex ikun hemm qbil dwar il-prinċipju li pajjiżna ma jiflaħx aktar influss ta’ immigranti.

Abela qal li l-Pożizzjoni ta’ dan il-gvern fis-Summit Straordinarju tal-aħħar jiem kienet li ma nistgħux naraw il-Mediterran f’biċċiet. Qal li l-problemi u t-temi diskussi fis-summit juru li hemm issues li huma komuni u b’hekk għandha tinkiseb soluzzjoni ħolistika. Qal li l-Libja għandha potenzjal ta’ investiment għan-negozjanti tagħna.

Abela tkellem dwar l-inċentiva ta’ €45 miljun f’vawċers, politika mfassla bil-ħsieb li tgħin lil pajjiżna jiżviluppa ekonomikament. Qal li minkejja li fiż-żona Ewro l-qgħad tela’, f’pajjiżna dan niżel. Abela qal li dan ir-riżultat sabiħ wasal “għax konna preparati”. 

Tkellem dwar il-proġetti infrastrutturali u dwar il-ftuħ tal-ewwel triq tas-Central Link, proġett li ilu fuq il-karta għal madwar 60 sena.

Abela qal li l-anqas ħaġa li għandhom bżonn in-nies f’dan il-perjodu hu li jinkwetaw fuq l-għixien tagħhom. Kien hawnhekk li l-Prim Ministru wassal messaġġ “intkom gawdu u ħudu ħsieb il-familji tagħkom, il-problemi nsolvuhom aħna”.

Abela tkellem dwar pakketti finanzjarji li ġew investiti fin-nies u n-negozji mressqa minn dan il-gvern, f’paragun mal-klikka politika li moħħha biex twassal il-messaġġ ta’ pajjiż korrott u moħħha biex tara lil min se tkun qed titfa l-ħabs.

Abela qal li l-baġit li jmiss se jkun wieħed pożittiv u mistenni jolqot lis-setturi li f’dan il-mument jeħtieġu li jiġu mwieżna, Dan il-gvern se jkun qed ikompli jgħin lill-pensjonanti. Is-settur tat-turiżmu jeħtieġ li jiġi mwieżen minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija.

Il-baġit li jmiss se jkun qed jixpruna aktar proġetti nazzjonali u dan il-gvern se jkun qed jaħdem fuqhom biex jgħollu l-prodott li pajjiżna se jkun qed joffri la darba l-industrija terġa’ tibda tirpilja.

Tkellem dwar it-titjib ambjentali u din se tingħata importanza flimkien mat-tisbiħ ta’ pajjiżna biex fejn tidħol indafa jkun hawn titjib.

Mistoqsi dwar in-nisa fis-soċjetà Abela qal li konvint bl-importanza li n-nisa f’pajjiżna jkun qed jokkupaw rwoli kruċjali f’dan il-pajjiż. 

Qal li dan il-gvern bil-fatti juri li hu konvint minn dan u l-ħatra ta’ Dr Victoria Buttigieg bħala Avukat Ġenerali kienet xhieda b’saħħita ta’ dan.

Tkellem dwar ir-rappreżentanza parlamentari tan-nisa u mekkaniżmu li mill-elezzjoni ġenerali li jmiss se jkun qed japplika biex is-sess anqas rappreżentat ikun garantit numru ta’ siġġijiet addizjonali fil-parlament. Mekkaniżmu li jaf ma jiġix meħtieġ iżjed jew li saħansitra jibda jaħdem bil-kontra.

Mistoqsi jekk qattx ċaħad li hu Malti jew staħa li hu Malti, Abela qal li hu kburi li hu Malti. Żied jgħid li aħna għandna għax għandna nkunu kburin u hu jersaq quddiem il-Kunsill Ewropew bl-għajta li hu kburi b’dak li aħna, b’liema messaġġ pajjiżna kiseb riżultati, b’baġit ta’ aktar min żewġ biljun ewro.

Abela għalaq billi sellem lil Adrian Delia għall-ħidma tiegħu u mhux biss awgura lil Bernard Grech għal din il-kariga tiegħu iżda wkoll stiednu fil-Kwartieri tal-Partit Laburisti biex jiddiskutu temi u ideat li jistgħu jikkonverġu l-importanza taż-żewġ partiti politiċi.

Ekonomija

Sport