Monday, December 9, 2024

“Kburi li warajja se nħalli settur tat-turiżmu li jinsab fuq sisien sodi”

- L-eks Ministru Clayton Bartolo

Aqra wkoll

Intant, f’post li kiteb fuq il-midja soċjali, Clayton Bartolo filwaqt li kkonferma r-riżenja tiegħu qal li meta kien maħtur Ministru fil-kabinett kien ta kelma lill-Prim Ministru li kemm-il darba l-kariga tiegħu tagħti lok lil min jużah biex jattakka l-ħidma tal-Gvern u tal-Partit Laburista kien se jġorr ir-responsabbiltà politika.

Bartolo jkompli jikteb li “kburi li warajja ser inħalli settur tat-turiżmu li grazzi għad-deċiżjonijiet li ħadna fl-aktar mumenti iebsa, illum jinsab fuq sisien sodi. Minn industrija mkissra kawża tal-pandemija, irkuprajna qabel iż-żmien u r-riżultati li ser jinkisbu din is-sena se jkunu l-aqwa riżultati ta’ kull żmien. Investejna bis-saħħa fil-prodott turistiku u anke dak edukattiv sabiex naraw li ntejbu dak kollu li kapaċi joffru Malta u Għawdex bħala destinazzjoni distinta fil-Mediterran. Fl-istess waqt tellaqna pjanijiet għal riformi mportanti f’dan is-settur vitali tal-ekonomija.”

L-eks Ministru jitkellem ukoll dwar ir-riformi li wettaq kemm dam fil-kairga. Imbgħad għadda biex irringrazzja lil diversi entitajiet li ħadmu miegħu kemm dam Ministru.

“Nirringrazzja lill-industrija, lill-istakeholders u l-entitajiet turistiċi kollha tal-ħidma kbira li wettaqna flimkien. Nibqa’ ngħid li din hija waħda mill-isbaħ industriji li tista’ tmexxi għal pajjiżek għaliex mit-turiżmu jiekol kulħadd. Taħt id-direzzjoni politika tiegħi matul dawn l-aħħar erba’ snin pajjiżna kiseb riżultati eċċellenti fil-qasam tal-films fuq livell internazzjonali. Din hija industrija li għad trid tkompli tikber u tiffjorixxi f’pajjiżna, u nemmen li bi gwida tajba kapaci tilħaq il-potenzjal kollu tagħha anke lokalment. Nawgura lil dawk kollha nvoluti f’din l-industrija li jilħqu dan l-għan u nirringrazzjahom ta’ ħidmiethom.

“Sar ħafna xoghol ukoll fil-qasam tal-indafa pubblika biex illum-il gurnata dan id-dipartiment huwa mgħammar bl-aqwa apparat. Hemm ukoll nies dedikati ħafna għal xogħlhom li minn hawnhekk nirringrazzjahom.

“Fuq kollox grazzi lill-poplu Malti u Għawdxi. B’mod partikolari, lin-nies tat-12-il distrett u t-8 distrett talli dejjem lqajtuni fi djarkom. Ser nibqa’ l-vuċi tagħkom fil-Parlament,” temm jgħid l-eks Ministru Bartolo.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport