Friday, December 13, 2024

Jitnieda l-programm ta’ avvenimenti ta’ Festivals Malta għas-sena 2025

Aqra wkoll

Festivals Malta uffiċjalment nediet il-programm ta’ festivals tagħha għas-sena 2025. Waqt it-tnedija, Festivals Malta ċċelebrat is-suċċessi li kisbet tul is-sena 2024, filwaqt li ppreżentat programm ta’ 11-il festival varjati li ser ikunu qed jittellgħu matul is-sena 2025 fosthom il-Valletta Baroque Festival, il-Karnival ta’ Malta, Mużika Mużika, il-Malta International Arts Festival, il-Malta Jazz Festival, u Notte Bianca fost l-oħrajn.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li b’portafoll ta’ avvenimenti tal-ogħla livell u ta’ kwalità, li b’kollox jammontaw għal 160 attività, dan il-programm mhux biss se jsaħħaħ il-parteċipazzjoni kulturali tal-pubbliku, imma se jkun ukoll opportunità għal eluf ta’ artisti, ħaddiema kulturali, u voluntiera biex juru t-talent tagħhom u jikkontribwixxu għar-rikkezza kulturali tal-pajjiż.

Il-Ministru Bonnici faħħar ukoll it-tmexxija ta’ Festivals Malta għall-impenn bla waqfien tagħhom biex jagħtu ħajja lil dawn l-avvenimenti b’organizzazzjoni professjonali u innovattiva. Il-Ministru enfasizza li Festivals Malta hija xempju eċċellenti ta’ kif l-arti u l-kultura jistgħu jitpoġġew fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna, filwaqt li jattiraw kemm il-komunità lokali kif ukoll udjenzi internazzjonali.

Waqt it-tnedija ċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra, tkellem dwar il-ħidma li Festivals Malta rnexxielha twettaq matul din l-aħħar sena, b’portafoll ta’ avvenimenti tal-ogħla livell u ta’ kwalità li b’kollox jammontaw għal 160 attività. “Festivals Malta qed tiċċelebra sena oħra ta’ suċċess. Illum inħarsu lura b’umiltà lejn il-bidu ta’ din l-aġenzija u b’sodisfazzjon ninnota l-progress li  għamlet matul iż-żmien u fejn wasalna llum. Is-sena 2025 ser iġġib magħha aktar ħidma biex flimkien permezz ta’ Festivals Malta, inkomplu s-sostenn tagħna lejn il-wirt ta’ pajjiżna billi nagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli.Nirringrazzja lill-ħaddiema ta’ Festivals Malta għax-xogħol kollu tagħhom, kif ukoll lill-entitajiet pubbliċi u privati, kif ukoll lill-artisti lokali, li flimkien ħdimna biex il-festivals li organiżżajna matul l-2024, kienu kollha ta’ suċċess.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, spjega li s-sena l-ġdida ser iġġib magħha sfidi ġodda  għal Festivals Malta, għax apparti l-ħidma fir-rigward tal-festivals prinċipali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, ser tkun qed taħdem ukoll fuq diversi aspetti amministrattivi. “Is-sena d-dieħla, Festivals Malta se tkun qed tintensifika l-investiment mhux biss fil-festivals tagħha, iżda wkoll fil-ħaddiema tagħha permezz ta’ taħriġ speċjalizzat li se jkompli jtejjeb il-livell tal-avvenimenti tagħna għall-benefiċċju tal-udjenzi tagħna. Apparti minn dan l-investiment, Festivals Malta se tkun qed tibda’ x-xogħol tal-kostruzzjoni fuq l-Arts and Culture Hub fil-Marsa li se toffri spazji adegwati fejn l-artisti lokali jistgħu jaħdmu u jipprattikaw ix-xogħol artistiku tagħhom.”

Għal aktar informazzjoni żur is-sit elettroniku www.festivals.mt.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport