Saturday, October 26, 2024

KBURIN BIS-SUĊĊESSI LI KSIBNA

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet intemmu l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023. Logħob li ġew organizzati f’pajjiżna għat-tielet darba u li se jibqgħu mnaqqxa fl-istorja sportiva lokali.

Dan hekk kif Malta rnexxielha mhux biss tispiċċa fil-quċċata tal-klassifika tal-midalji imma wkoll l-atleti ġabru rekord assolut ta’ midalji. B’38 midalja tad-deheb, 30 midalja tal-fidda u 29 midalja tal-bronż, pajjiżna rebaħ b’kollox total ta’ 97 midalja.

B’riżultat ta’ dan, Malta temmet din l-edizzjoni tal-Logħob b’rekord assolut u bla preċedent fir-rebħ ta’ midalji minn fost id-disa’ pajjiżi li kkompetew, mhux biss fin-numru ta’ midalji tad-deheb imma wkoll fit-total ta’ midalji mirbuħa. Bla dubju, għal pajjiżna, dan kien riżultat eċċellenti fejn l-atleti u l-isportivi tagħna għamlu unur kbir lil pajjiżna u wrew li kapaċi jqumu għal kull sfida li tiġi quddiemhom.

Iżda, dan is-suċċess miksub ma ġiex waħdu. Kien konsegwenza tat-taħriġ kontinwu, il-perseveranza tal-atleti u l-investiment qawwi li sar matul l-aħħar snin fil-faċilitajiet kollha bi tħejjija għal dan il-logħob.

Għalhekk, l-edizzjoni ta’ din is-sena serviet ta’ pjattaforma importanti għall-atleti tagħna filwaqt li se żżidilhom il-motivazzjoni biex ikomplu javvanzaw aktar fl-aspirazzjonijiet sportivi tagħhom, anke ta’ dawk li forsi ma rnexxilhomx jiksbu r-riżultat li xtaqu.

Minn dawn il-kolonni ma nistgħux ukoll ma nfaħħrux l-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment u dawk kollha involuti fiha fosthom il-Kumitat Olimpiku Malti u Sport Malta. Mhux biss għax irnexxielhom iġibu lejn Malta dawn il-logħob imma għall-faċilitajiet li nbnew u li ġew ikklassifikati bħala ta’ livell għoli internazzjonali.

B’sodisfazzjon ninnutaw dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela, li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jitlestew aktar kumplessi li ma ntużawx fil-logħob, anke għax uħud huma dixxiplini sportivi li ma kinux inklużi f’dan il-logħob.

Dan kollu juri kemm il-qasam sportiv Malti għandu futur sabiħ quddiemu. Nemmnu li minkejja dan ir-riżultat storiku, li huwa wieħed li jagħmilna kburin bħala Maltin, għad hemm lok fejn navvanzaw aktar u nistgħu nagħmlu aħjar.

Huwa importanti li nkomplu ninvestu f’dawn l-atleti tagħna anke sa minn età żgħira biex is-suċċess li ksibna f’pajjiżna jkun ukoll replikat f’avvenimenti li jsiru lil hinn minn xtutna.

Sport