Thursday, April 18, 2024

48,000 kuntratt ta’ kirjiet privati rreġistrati mal-Awtorità tad-Djar

Aqra wkoll

Sal-aħħar tal-2022, kien hemm kważi 48,000 kuntratti ta’ kirjiet privati rreġistrati mal-Awtorità tad-Djar u li għadhom attivi. Dan joħroġ minn studju li sar dwar is-settur tal-kirjiet f’Malta, fejn jiġi nnutat kif mill-2020 ‘il quddiem, komplew jiżdiedu l-għadd ta’ kuntratti ta’ kirjiet privati rreġistrati u attivi mal-Awtorità.

“Iż-żieda kienet waħda sostanzjali. Tant li kien hemm żieda ta’ 24% mill-aħħar tal-2022 meta mqabbel ma’ sena qabel. 95% tal-kuntratti attivi huma long lets, b’durata ta’ mill-inqas sena,” qal l-ekonomista Dr Brian Micallef fi preżentazzjoni li għamel lill-ġurnalisti b’rabta ma’ dan l-istudju.

Dr Micallef spjega li fl-2022 kien hemm total ta’ 21,529 kuntratt li ġew imġedda. Aktar minn 15,000 minn dawn il-kuntratti baqgħu attivi, b’ħafna minnhom kienu mġedda għal durata ta’ sena.

“Qed naraw li dan it-tiġdid qed jagħti stabbilità lis-suq u lill-inkwilin,” qal Dr Micallef filwaqt li nnota li d-durata tal-kirjiet qiegħda tiżdied. “Hawn madwar 10% li ilhom fil-kirja tagħhom għal aktar minn tliet snin.”

San Pawl il-Baħar baqgħet l-aktar lokalità li fiha kien hemm l-akbar ammont ta’ kuntratti ta’ kirjiet privati rreġistrati, aktar minn 7,000 kuntratt fl-2022. B’kollox kien hemm mat-13-il lokalità – kollha f’Malta – li kellhom tal-inqas 1,000 kuntratt attiv. Fl-istess waqt, 7% tal-kuntratti attivi kienu f’Għawdex, l-aktar popolari fiż-Żebbuġ, ir-Rabat u l-Munxar.

Jirriżulta wkoll li 27% tal-kuntratti ġodda bejn Lulju u Diċembru għandhom kirja ta’ bejn €700 u €899. Hemm ukoll 29% li l-kirja teċċedi l-€1,000 fix-xahar u 3% tal-kuntratti għandhom kirja ta’ aktar minn €2,000 fix-xahar, b’ħafna minn dawn jinsabu f’lokalitajiet bħal Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi.

Dan ix-xahar se jinħarġu l-pagamenti ta’ €1,000 lill-first time buyers

Sadanittant, waqt l-istess briefing għall-ġurnalisti, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa ta ħarsa lejn id-diversi skemi li toffri l-Awtorità fosthom dik tal-għotja tal-€1,000 fis-sena għal 10 snin għall-first time buyers. “Dan ix-xahar se noħorġu €1,000 għal kull applikant. Dan japplika għal min xtara proprjetà mill-2022 ‘il quddiem,” qal Zerafa.

Skema oħra li sejra tajjeb ħafna, kompla jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, hija dik tal-‘equity sharing’, għall-persuni li għandhom ‘il fuq minn 30 sena. Huwa rrefera wkoll għal skemi oħra fosthom in-New Hope, il-Housing Benefit Scheme, is-Sensibility Scheme u d-Disability Scheme, li lkoll kienu ta’ għajnuna kbira.

Zerafa kompla billi nnota li mat-80% tal-Maltin huma sidien ta’ darhom. Tenna wkoll li l-Awtorità qiegħda tagħmel enfasi kbira fuq it-trasformazzjoni diġitali fi ħdanha sabiex tkompli tkun ta’ għajnuna lil aktar nies.

“Qabża kbira fil-mod kif nindirizzaw is-settur tal-housing”

Fil-kummenti tiegħu, Jake Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, innota l-qabża kbira li saret fil-mod kif nindirizzaw is-settur tal-housing b’mod ħolistiku anke bil-lingwaġġ li jintuża f’dan ir-rigward.

Huwa qal li l-għan tal-Fondazzjoni huwa dak li ssaħħaħ filwaqt li żżid il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli. “Il-Fondazzjoni hi riżultat tal-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Knisja, trid topera f’ambitu kummerċjali u hi għalhekk attur ġdid fis-suq tal-proprjetà lokali. Trid topera b’format kummerċjali però b’għanijiet soċjali.”

Azzopardi qal li fiż-żmien li ġej se jkunu f’qagħda aħjar li jitkellmu dwar proġett li se jingħata l-ħajja fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Filwaqt li l-Fondazzjoni trid tkun qed tifforma soluzzjoni vijabbli għal proprjetajiet vakanti f’pajjiżna.

Fuq bażi fit-tul, intqal li l-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli trid taħseb ukoll f’forom ta’ investimenti differenti u prodott finanzjarju li jagħmlu dan is-suq wieħed aktar vijabbli.

Ekonomija

Sport