Friday, April 19, 2024

“Ma’ kull waqgħa naf li flimkien nerġgħu nqumu u nkomplu … jien is-sapport tieghek u int il-motivazzjoni tiegħi”

Graziella Bartolo Pizzuto, omm ta' tifla bid-Down's Syndrome

Aqra wkoll

“Dejjem emmint fik u fil-kapaċitajiet tiegħek. Kollox mistur u kollox kaxxa magħluqa, imma qalbi kienet tgħidli biex nissaporti, biex nemmen, biex inżomm soda. Għax għada pitgħada se nieħdu l-frott. Minn tarbija ċkejkna wrejtni kemm hi kbira d-determinazzjoni tiegħek”. Qalet dan Graziella Bartolo Pizzuto, omm ta’ tifla bid-Down’s Syndrome, f’kitba li qasmet fuq il-paġna ta’ Facebook “Up & Up with Faith”.

Dan qalitu fid-dawl ta’ vjaġġ li mhux dejjem kellu triq watja; vjaġġ li kellu u għad għandu mumenti ibsin li għalkemm xi drabi jkunu iżjed diffiċli minn oħrajn, dejjem żammet viżjoni waħda biex jirnexxilha tibqa’ għaddejja: il-ġid ta’ bintha.

Hija kompliet tgħid li: “Illum inħares lejk u nara quddiemi dak li qatt ma kont noħlom! U dak li nara llum huwa l-ispirazzjoni u l-motivazzjoni li għandi bżonn għal għada, għall-ġejjieni”.

Lejn l-aħħar tal-messaġġ tagħha lil bintha hija tgħid li għalkemm ma tistax tbassar x’se jiġri fil-futur, hija tinsab ċerta minn ħaġa waħda: dik li hi u bintha Faith se jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom sabiex b’determinazzjoni liema bħalha jaċċertaw irwieħhom li jilħqu l-potenzjal ta’ Faith.

L-omm tenfasizza l-fatt li hi u bintha għandhom rieda soda biex jaslu għal dak li jixtiequ u li qed isibu s-saħħa tagħhom f’xulxin biex jagħmlu dan: “Ma’ kull waqgħa naf li flimkien nerġgħu nqumu u nkomplu. Jien is-sapport tiegħek u int il-motivazzjoni tiegħi”.

Sport