Minn Cristian Muscat
Kif tħajjart tibda tipprattika t-triathlon? Bdejt minn xi sport ieħor?
Kont imdorri li tal-inqas tliet darbiet fil-ġimgħa noħroġ bil-mountain bike b’hiex kemm jista’ jkun naqta’ mill-ġenn tal-ħajja ta’ kuljum u kif ukoll għall-ħin ta’ rikreazzjoni għalija personali. Imma bdejt inħoss il-ħtieġa li nibda nagħmel xi tip ta’ attivita’ sportiva ġdida peress li bdejt nispiċċa indur fl-istess toroq bil-mountain bike u bdejtlu l-ġiri bil-milja li nagħmel il-ġirja tal-president li kienet tibda mir-Rabat sal-Belt Valletta. Il-ġurnata tant mistennija waslet u kif rajt li kien irnexxilhi nagħmilha, għamiltha punt miegħi innifsi li kemm jista’ jkun darba fil-ġimgħa nmur niġri.
Ftit taż-żmien wara faqgħet il-pandemija tal-Covid-19 u hemmhekk bdejt inżid aktar l-attivitajiet sportivi u kif kont qed indawwar il-paġni tal-media soċjali ltqajt ma’ sfida li kienet tinvolvi li tagħmel id-distanza ta’ Full Ironman f’temp ta’ ġimgħa. Din l-isfida kienet tikkonsisti: f’3.8km għawm; f’180km rota u f’42.2km ġiri; u wieħed seta’ jagħmilha kemm individwalment jew anke fi grupp. Iddeċidejt li nidħol għaliha individwalment u bi ħġarri għalkemm qatt qabel f’ħajti kont għomejt għall-distanzi twal fil-baħar u għamiltha kollha kemm hi. Minn hemmhekk bdejt inħoss il-ħtieġa li nibda nitrenja għat-triathlon u qatt ma ħarist lura u ta’ kull sena nagħmel mezz li nieħu sehem f’xi tlielaq barra minn Malta.
X’tinvolvi eżatt it-triathlon?
Prinċipalment it-triathlon hija attivita’ sportiva li tinvolvi fiha tliet tipi ta’ sport li isiru wieħed wara l-ieħor li huma: l-għawm, ir-rota u l-ġiri. Dawn ikunu dejjem f’din l-ordni bl-unika eċċezzjoni tkun dik li d-distanzi ivarjaw skond it-tip tat-triatlhon li ha jkun itellaq fiha. L-aktar tlielaq li jseħħu hawn Malta huma: ‘Sprint Triathlon’ li tikkonsisti 750m għawm, 20km rota u 5km ġiri, u l-‘Olympic Distance Triathlon’ li tinqasam f’1.5km għawm, 40km rota u 10km ġiri. Izda fuq xena internazzjonali l-aktar popolari huma: ‘Half Ironman’ li tinvolvi f’1.9km għawm, 90km rota u 21.1k ġiri; u ‘Full Ironman’ li tinkoporai f’3.8km għawm, 180km rota u 42.2k ġiri
X’unuri prinċipali rbaħt fil-karriera tiegħek?
L-akbar unur għalija personalment huma meta tellaqt fi Sqallija f’Settembru tal-2022 f’kompetizzjoni tat-trail running magħrufa bħala ‘Trail della Pizzuta’ u irnexxilli niġi t-tielet fil-grupp tal-eta’ tiegħi u barra minn hekk konna bħalha klabb ġejna l-ewwel f’dik it-tellieqa partikulari. Lokalment unuri li rbaħt apart tat-triathlon, huma meta ftit ta’ żmien ilu iddeċidejt li nibda nitħarreġ għal ħaġa ġdida dik tal-HYROX u f’kompetizzjoni li organizza il-gym li nmur nittrenja fih, Peak Fitness Malta, irnexxieli niġi t-tieni mill-irġiel fl-iSprint Ergathlon li tikkonsisti f’2km ski, 4km rota u 2km rowing.
L-akbar esperjenza lokalment li ħa tibqa’ f’moħħi hija meta fl-2022 tellaqt għall-ewwel darba l-maratona ‘La Vallette Marathon’ u kien irnexxilli nagħmilha f’ħin ta’ anqas minn erba’ sigħat. Dik internazzjonalment hija meta grazzi għall-gwida tal-kowċ tiegħi Bruno Mahsoudi, kien irnexxieli nagħmel il-Full Ironman f’Ġunju tal-2023 ġewwa Hamburg, fejn kienet tellieqa mimlija emozzjonijiet indiskrivibbli u li qatt mhu ha ninsa speċjalment meta jiena u dieħel għal-linja finali nisma l-erba’ kelmiet famużi “You are and Ironman”. Kif ukoll fi Frar ta’ din is-sena meta tellaqt individwalment fit-tellieqa tal-HYROX u mhux ha ninsa is-sapport li tawni sħabi li nitrenja magħhom li għinitni nagħfas aktar f’kull parti tat-tellieqa.
Ilkoll nafu kemm it-triathlon huwa sport li fih trid tkun aġli immens. X’tikkummenta?
Bħal f’kull sport li jeżisti l-aġilita’ fit-triathlon hija importantissima u tirrikjedi diversi tipi ta’ taħriġ li wieħed irid jagħmel b’hiex kemm jista’ jkun jirbaħ ħin kruċjali li bih javvanza aktar ‘il quddiem bħalha pożizzjoni finali fit-tellieqa. L-aktar ħin li trid tkun aġli huwa meta tkun qiegħed fiż-żewġ tranżizzjonijiet waqt it-tellieqa li huma meta tkun qed tbiddel mill-għawm għar-rota; u kif ukoll mir-rota għall-ġiri. Aparti minn hekk anki fit-tliet tipi ta’ sport li aktar ma’ iżżomm il-pożizzjoni idejali aktar tista taqta’ mill-ħin.
X’inhuma l-unuri prinċipali li rbaħt f’dan l-isport li tant tħobb?
L-aktar unur li jibqa’ għall-qalbi huwa meta fis-sena 2020, li kienet l-ewwel sena tiegħi li bdejt nitħarreġ għat-triathlon, bil-mountain bike irnexxieli niġi l-ewwel fil-grupp tal-eta’ tiegħi fil-punti tul l-istaġun kollu tat-triathlon. Dan l-unur kont irbaħtu wkoll fis-sentejn ta’ wara imma din id-darba bir-road bike. Unur ieħor li irnexxilli nirbaħ kien li fit-tellieqa tal-2022 fil-’X-Country National Championship’ ġejt l-ewwel fil-grupp tal-eta’ tiegħi.
Ġieli sofrejt xi injury f’dan l-isport?
Sofrejt minn diversi injuries f’dan l-isport u l aktar tnejn minnhom li niftakar u qatt mhu ħa ninsa huma:
- Meta waqajt l-ewwel darba bir-road bike waqt sezzjoni ta’ taħriġ ma’ sħabi u għall-bidu ħsibt li m’għandi xejn gravi u li kollox ħa jgħaddi f’ħakka t’għajn, iżda dan ma kienx minhu u kelli nagħmel xhur wieqaf mit-taħriġ tat-triathlon. Tul dan iż-żmien kelli inmur għand fiżoterapista b’hiex nibda indewwi l-għakza u nagħmel eżerċizzji speċifiċi ħalli insaħħaħha u nkun nista’ nerġa nibda bil-mod it-taħriġ fit-triathlon.
- Meta kont qiegħed nagħmel sessjoni tat-taħriġ fit-trakka u f’ħabta u sabta sieq minnhom ma stajtx inċaqlaqha aktar u kelli uġigħ indiskrivibbli. Erġajt mortlu għand fiżjoterapista u qalli aħbar xejn sabiħa li għandi l-ITB u b’riżultat t’hekk kelli nnaqqas it-taħriġ tat-triathlon li kont qed nagħmel drastikament. Iż-żmien ta’ irkurpru kien twil ħafna u hija ħaġa li kif toħroġlok trid toqgħod seba’ mitt għajn b’hiex kemm jista’ jkun ma terġax tfeġġ. Dan għamiltu billi saħħaħt il-partjiet ikkoncernati u iffukkajt aktar minn qatt qabe fuql il-jiem ta’ serħan meta ma jkollix taħriġ.
Nistqarr l-verita’ meta għaddejt minn dawn l-injuries kien żmien t’ sfida kbira u mhux l-ewwel darba li ħsibt b’hiex nieqaf minn dan it-tip ta’ sport, imma grazzi għall-għajnuna tal-familjari u sħabi għamilt kuraġġ u komplejt għaddej f’dan l-isport u anki spiċċajt b’hiex nimrah fi sport ieħor ukoll li qatt qabel ma bsart li ħa nagħmel xi darba bħall-ergathlon u HYROX.
Huwa minnu li dan l-isport jinvolvi hafna injuries?
Ir-riskju tal-injuries bħal f’kull sport ieħor qiegħed hemmhekk, speċjalment meta wieħed jikkunsidra il-fatt li mhux qed titħarreġ għal sport wieħed biss imma għall-tlieta li kull wieħed minnhom jirrikjedi l-użu tal-muskoli b’mod differenti. F’dan ir-rigward wieħed irid ikun konxju u jagħti l-importanza xierqa lejn kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ sport u kif ukoll jagħti każ kif qed iħoss lil ġismu biex jekk ikun għajjien aħjar jieħu dik il-ġurnata serħan milli jmur jagħmel it-taħriġ li jkollu skedat għal dik il-ġurnata u allaħares qatt jispiċċa iweġġa. Aparti minn dan kollu għalija personalment trid tagħti importanza lit-taħriġ li jinvolvi saħħa fiżika bħal xi ‘HIIT workout’ u l-aktar fundamentali li tagħmel streching kemm qabel u wara t-taħriġ. Dan li tkellimt fuqhu ma jistax ikun li tagħmlu waħdek u jirrikjedi gwida ta’ kowċis li jgħinuk taħdem fuq dan kollu ħalli tissaħħaħ u tillimita ir-riskju tal-injuries.
X’sagrifiċċji / commitments partikolari jinvolvi dan l-isport li int tipprattika?
Peress li dan l-isport jinvolvi tliet tipi ta’ sport u wieħed jista’ jżid ukoll l-eserċizzji ta’ saħħa fiżika jirrikjedi li ikollok dedikazzjoni kbira u li hija iċ-ċavetta ta’ kollox b’hiex ikollok dak ir-riżultat li tant tkun tixtieq u kif ukoll b’hiex tagħmel għan li tisaħħaħ u titjieb minn tellieqa għall-oħra. Iżda barra d-dedikazzjoni l-aktar ħaġa li hija kruċjali bħal f’kull sport ieħor huwa li tagħmel sagrificcji peress li m’hijiex faċli assolutament li tleħħaq kemm mat-taħriġ li jkolli skedat għal dik il-ġurnata u anke l-impenji oħra li jkollok dik il-ġurnata stess. Eżempju minnhom huwa li nqumlu kmieni filgħodu ħalli inkun nista nitħarreġ qabel ma nmur għax-xogħol u anki xi drabi wara ġurnata ta’ ħidma. Barra minn hekk xi kultant ikolli innaqqas mill-attivatijiet soċjali tiegħi speċjalment jekk tkun qorbot xi tellieqa li nkun ili naħdem sew għaliha. Madankollu bi pjanar siwi u bl-għajnuna tal-familjari tiegħi jirnexxieli nsib bilanċ bejn dan kollu u s-sodisfazzjon li nieħu meta narah ir-riżultati mixtieqa jew li nkun ilħaqt l-għan li tant ikun ilhi naħdem għalih iġibu fix-xejn is-sagrifiċċji kollha li nkun ħadt.
Rigward riżorsi biex tittrenja dan l-isport, hemm biżżejjed f’pajjiżna meta kkumparati ma’ pajjiżi oħra?
Nistqarr miegħek il-verita’ ir-riżorsi li għandha f’pajjiżna narahom limitati f’ċerti aspetti u oħrajn bla limitu meta jiġu imqabbla ma’ pajjiżi oħra. Dan ġej mill-fatt li meta nqabbel postijiet fejn nistaw inmorru ngħumu għandha bil-gzuz speċjalment meta ikunu imissni li nitħarreġ fil-baħar. Iżda meta nqabbel iż-żewġ tipi ta’ sport ieħor li huma r-rota u l-ġiri bħalha pajjiż limitati minħabba l-fatt li kulma jgħaddi żmien ir-rispett lejhom qed jonqos u kif ukoll li sirt limitat li noħroġ bir-rota fi tmiem il-ġimgħa biss għax ikun hemm anqas karozzi. F’dan ir-rigward inkun bil-ħerqa kollha nistenna l-ewwel Ħadd ta’ kull xahar għax ikun hemm l-attivita sabiħa ta’ ‘Żerniq bir-Rota’ u jkun sigur aktar għaċ-ċiklist b’hiex isuqu r-rota fi triq magħluqa.
Issibu għajnuna fosthom dik finanzjarja minn SportMalta?
Ftit ta’ snin ilu bil-għajnuna finanzjarja li ngħata il-klabb li kont nitħarreġ miegħu mingħand SportMalta kelli l-opportunita’ li nieħu sehem f’tellieqa ta’ trail run fi Sqallija, li kellha tul ta’ 23km b’elevazzjoni ta’ 1,500m. Aparti din, kelli ix-xorti li bil-għajnuna li tgħatt SportMalta lill-federazzjoni tat-triathlon nirrapreżenta lill-Malta f’Abu Dhabi fil-kompetizzjoni Olympic Distance Triathlon fil-World Triathlon Championship Finals.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?
Huwa sport li ngħożż u nħobb immensament u għal daqstant nagħmilha punt miegħi innifsi li nagħmel tlielaq ta’ kull sena kemm jekk hux Half Ironman jew Full Ironman. Barra minn hek, nara li niffokka fuq il-għan li f’dawn it-tlielaq nieħu gost u li nkun kuntent b’kull riżultat li jkolli, dan għax meta nikkunsidra li persentaġġ żgħir ħafna mill-popolazzjoni dinjija jagħmluhom inħossni ixxurtjajt li jiena nifforma parti minn dan il-persentaġġ.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jitħajru jagħmlu karriera f’dan l-isport tat-triathlon.
Meta mqabbel ma’ tip ta’ sport ieħor, l-isport tat-triathlon peress li jinvolvi fih tliet tipi ta’ sport jirrikjedi ħafna ħin ta’ taħriġ, dedikazzjoni, sfidi u sagrifiċċji. Imma bis-saħħa ta’ dawn l-affarijiet wieħed ħa jiggwadanja benefiċċji li jara r-riżultat tagħhom kemm dak il-ħin stess u anke fil-ħajja futura ta’ dak li jkun. Dan ġej mill-fatt li permezz ta’ dan l-isport wieħed jitgħallem jaffronta aktar sfidi li jħabbat wiċċu magħhom matul il-ħajja ta’ kuljum. Nixtieq inħeġġeġ lill-ġenituri biex jikkoraġixxu lit-tfal tagħhom għal dan l-isport u ma jwaqqfuhomx milli jibdewh dan l-isport. għax nista’ nassigurakom li mhux ħa ssibu għaqda daqshekk bejn atleti tal-istess etá, kif ukoll akbar li lesti jgħinu lil dak li jkun b’kull mod possibli. Barra minn hekk f’dan l-isport ltqajt ma’ atleti oħra li saru l-akbar ħbieb tiegħi u wassluni biex nemmen aktar fija nnifsi!