Il-kontroeżami ta’ Keith Schembri beda lbieraħ fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, bid-difiża tikkonfronta lill-eks Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar diversi aspetti tax-xhieda tiegħu, fosthom il-komunikazzjoni tiegħu mal-pulizija, il-laqgħat ma’ Melvin Theuma, il-kuntatti ma’ David Gatt u allegazzjonijiet li tressqu minn diversi xhieda matul il-ġuri.
Fil-bidu tal-kontroeżami, id-difiża ffukat fuq il-ġrajjiet tal-jum meta Yorgen Fenech ġie arrestat. Schembri qal li kien jaf li Fenech kien qed jiġi interrogat u sostna li kien ġie infurmat mill-pulizija, għalkemm qal li ma jiftakarx jekk kienx Keith Arnaud jew Kurt Zahra li għaddewlu l-informazzjoni. Huwa ċaħad li kien qed jirċievi aġġornamenti kontinwi dwar l-investigazzjoni u sostna li kien jingħata biss informazzjoni li kienet tikkonċernah direttament.
Il-kontroeżami mbagħad dar fuq id-dokument li, skont ix-xhieda ta’ Dr Adrian Vella, kien ingħatalu minn Schembri. L-eks Chief of Staff ċaħad b’mod kategoriku li qatt ta lil Vella xi dokument u sostna li t-tabib kien ħa l-karta minn fuq l-iskrivanija tiegħu. Aktar tard qal ukoll li qatt ma mess id-dokument, minkejja li kkonferma li kien intwera lilu waqt l-interrogazzjoni tiegħu.
Parti sostanzjali mis-seduta kienet iddedikata għax-xhieda dwar Melvin Theuma. Id-difiża kkonfrontat lil Schembri bix-xhieda ta’ Johann Cremona u Kenneth Camilleri, li kienu allegaw li Camilleri kien intbagħat biex jikkalma lil Theuma. Schembri ċaħad dawn l-allegazzjonijiet kollha u sostna li qatt ma bagħat lil ħadd għand Theuma jew ipprova jagħmillu ħsara.
Huwa sostna wkoll li l-verżjoni ta’ Cremona kienet “bluff” maħsub biex jikkalma lil Theuma. Id-difiża kompliet tistaqsih dwar il-laqgħa tiegħu ma’ Melvin Theuma f’Kastilja. Schembri sostna li dik kienet l-ewwel u l-unika darba li ltaqa’ ma’ Theuma, li dan kien mar jitlob impjieg u li l-laqgħa kienet waħda qasira li matulha offrielu espresso.
Huwa ċaħad ukoll li kienu ddiskutew il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jew li kien dawru ma’ Kastilja, kif kien xehed Theuma. Aktar tard, il-kontroeżami ffoka fuq ir-recordings sigrieti ta’ Melvin Theuma. Schembri qal li kien jaf biss li ismu kien qed jissemma fihom għax hekk kien jgħidlu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, iżda sostna li qatt ma ngħata dettalji dwar il-kontenut tagħhom u li qatt ma ħassu mħasseb għax kien konvint li ma kien għamel xejn ħażin.
Id-Difiża wkoll għamlet referenza għal David Gatt u għal sensiela ta’ messaġġi skambjati bejn Schembri u Joseph Muscat dwar l-investigazzjoni. Schembri għamel diversi allegazzjonijiet dwar Gatt u qal li kien informa lil Keith Arnaud dwar il-kuntatti li kellu miegħu.
Huwa ġie mistoqsi wkoll dwar messaġġi li fihom kien irrefera għal Lawrence Cutajar u Keith Arnaud, iżda qal li ma jiftakarx x’kien ifisser b’xi wħud mill-kummenti li kien bagħat dak iż-żmien. In-negozjant Yorgen Fenech, ta’ 44 sena, qed jiġi ġġudikat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ta’ sħubija f’organizzazzjoni kriminali allegatament imwaqqfa biex twettaq l-assassinju.
Il-prosekuzzjoni tallega li Fenech iffinanzja l-pjan u kkomunika mal-eżekuturi tal-qtil permezz tal-allegat intermedjarju Melvin Theuma, allegazzjonijiet li Fenech jiċħad.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.
Id-Difiża qed titmexxa mill-avukati Charles Mercieca, Giannella De Marco u Gianluca Caruana Curran, filwaqt li l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru parte civile f’isem il-familja Caruana Galizia.
Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima.
