Kull xahar, it-tobba fiċ-Ċentru tat-Telemediċina qed jagħmlu madwar 9,000 konsultazzjoni medika bit-telefown ma’ persuni li jċemplu għal dan is-servizz bla ħlas biex jirċievu pariri dwar saħħithom u għajnuniet oħra mediċi mhux ta’ emerġenza.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg żar iċ-Ċentru tat-Telemediċina tal-Kura Primarja fis-Siġġiewi, sabiex jitkellem mal-ħaddiema li joperaw dan is-servizz 24 siegħa kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd.
Waqt din iż-żjara l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Kura Primarja spjegaw li permezz ta’ dan is-servizz, li tnieda fl-2020, il-pubbliku jista’ jċempel fuq in-numri 21231231/21222444 jew juża mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn, fosthom servizz ta’ chat permezz tas-sit myhealth.gov.mt, sabiex jirċievi pariri mediċi, evalwazzjoni tas-sintomi, koordinazzjoni ta’ żjarat fid-djar minn servizzi mediċi oħra tal-Gvern, u appuntamenti għal servizzi u viżti fl-istituzzjonijiet tas-saħħa, kif ukoll evalwazzjoni tar-riżultati ta’ testijiet mediċi li jkun għadhom kif saru. Fejn ikun hemm bżonn, it-tobba taċ-Ċentru jistgħu jagħmlu wkoll konsultazzjonijiet permezz ta’ video calls b’Microsoft Teams jew Whatsapp.
Ta’ kuljum, dan iċ-Ċentru qed jirċievi sa 350 talba għal konsultazzjoni medika, b’medja ta’ 9,000 konsultazzjoni fix-xahar. F’madwar 70% ta’ dawn il-konsultazzjonijiet mediċi, dawk li jċemplu jirċievu l-għajnuna li jkollhom bżonn biex isolvu d-diffikultà li jkollhom, mingħajr il-ħtieġa li jinqalgħu minn djarhom biex jiksbu servizzi oħra fi kliniċi jew faċilitajiet oħra tas-saħħa.
Minbarra dawn il-konsultazzjonijiet, iċ-ċentru għandu wkoll ħaddiema oħrajn li jwieġbu mistoqsijiet tal-pubbliku dwar servizzi oħra tal-Kura Primarja. B’kollox, bejn konsultazzjonijiet mediċi u għajnuniet oħra, iċ-Ċentru jwieġeb madwar 90,000 telefonata fix-xahar.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal li dawn il-figuri juru kif l-investiment għaqli u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema fil-Kura Primarja qed iwassal għal servizzi aktar aċċessibbli, komdi u effiċjenti għall-pubbliku. Stqarr li seta’ japprezza dan mill-qrib fil-laqgħat li qed ikollu f’diversi faċilitajiet immexxija mid-Dipartiment tal-Kura Primarja, fosthom ċentri tas-saħħa, bereġ fil-komunità u kliniċi oħra, u servizzi oħra bħaċ-Ċentru tat-Telemediċina.
“Ser inkomplu nappoġġjaw lil dan iċ-ċentru u t-tim ta’ tobba, professjonisti tas-saħħa u ħaddiema oħra tiegħu, sabiex jgħinu ħafna aktar persuni fiż-żmien li ġej. B’impenn u professjonalità, qed jirnexxielhom ikunu t’appoġġ kbir għal eluf ta’ persuni,” sostna d-Deputat Prim Ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Kura Primarja, l-Inġ. Karl Farrugia, spjega li s-servizz tat-Telemediċina qed ikompli jissaħħaħ u jespandi. “Dan iċ-ċentru jaħdem biex inaqqas il-piż fuq iċ-Ċentri tas-Saħħa, filwaqt li joffri aċċess aktar faċli, immedjat u komdu għall-kura. Il-pubbliku jista’ jċempel biex jirċievi konsultazzjoni medika jew jingħata l-gwida u s-servizz li jeħtieġ, mingħajr il-bżonn li jattendi personalment f’xi istituzzjoni tas-saħħa,” hu qal.
Is-servizz tat-Telemediċina għal pariri mediċi huwa disponibbli permezz tan-numri 21231231 u 21222444. Madankollu, f’każ ta’ emerġenza, il-pubbliku għandu jċempel mill-ewwel is-servizz nazzjonali t’emerġenza 112. Dawk li ma jkunux ċerti jekk is-sitwazzjoni hijiex emerġenza, jistgħu jċemplu 1400 biex jingħataw gwida immedjata dwar x’għandhom jagħmlu.
