Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri beda ż-żjara tiegħu ġewwa Eman Patisserie, negozju tal-familja li ilu jopera f’Għawdex għal dawn l-aħħar 33 sena. Il-Prim Ministru kellu l-opportunità jisma’ l-istorja ta’ dan in-negozju, fosthom dwar kif l-isem tiegħu jġorr miegħu tifkira personali u għażiża għal din il-familja. Illum, il-membri tal-familja li joperaw Eman Patisserie qed iħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu biex ikomplu jiżviluppaw il-ħidma ta’ dan in-negozju li ilha tinbena għal dawn l-aħħar tliet deċenji.
Il-Prim Ministru faħħar il-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-ispirtu intraprenditorjali ta’ din il-familja. Huwa nnota li negozji tal-familja bħal Eman Patisserie mhux biss joħolqu opportunitajiet ekonomiċi, iżda jiffurmaw ukoll parti integrali mill-identità u mill-ħajja tal-komunitajiet Għawdxin.
Iż-żjara kompliet b’laqgħa mal-Kunsill Lokali tar-Rabat, fejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Clint Camilleri iltaqgħu mas-Sindku Brian Azzopardi u l-Kunsilliera tar-Rabat. Matul din il-laqgħa ġew diskussi l-prijoritajiet tal-lokalità, l-isfidi li jiffaċċjaw ir-residenti u l-ħidma konġunta li qed issir bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali. Dr Abela saħaq fuq kif il-Kunsilli Lokali huma msieħba ewlenin fit-tisħiħ tal-komunitajiet u fil-ħidma biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Il-Prim Ministru Abela żar ukoll Dar Emmaus, ‘Emergency Shelter’ għal dawk l-adulti li jisfaw bla saqaf fuq rashom kif ukoll tagħti kenn u appoġġ lill-vittmi ta’ vjolenza domestika. Din id-Dar hi mmexxija mill-Fondazzjoni Kenn u Tama — Organizazzjoni Mhux Governattiva u tikkonsisti f’żewġ appartamenti li ġew attrezzati sabiex mhux biss joffru servizzi residenzjali lill-adulti u t-tfal tagħhom imma ukoll biex jiġu offruti programmi ta’ kura u riabilitazzjoni.
Matul din iż-żjara Dr Abela ltaqa’ ukoll ma’ ħaddiema miIl-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS li tikkollabora mill-qrib mat-tmexxija ta’ Dar Emmaus permezz tad-Direttorat tagħha f’Għawdex fejn ta’ kuljum, ħaddiema soċjali jaħdmu ma’ dawn il-persuni li minħabba raġuni jew oħra jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Dawn il-ħaddiema jibqgħu jsegwu lir-residenti ta’ Dar Emmaus, bil-għan li jingħataw l-għodod u l-għajnuna meħtieġa biex jerġgħu jibnu ħajjithom b’mod indipendenti.
Bejn l-2022 u l-2025, il-Gvern u l-Fondazzjoni Kenn u Tama daħlu fi ftehim ta’ aktar minn €500,000 biex ikomplu jissaħħu s-servizzi offruti minn Dar Emmaus lil persuni vulnerabbli f’Għawdex. Dan l-investiment qed jitkompla permezz ta’ ftehim ta’ sħubija bejn il-Fondazzjoni Kenn u Tama u l-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja għall-perjodu bejn l-2025 u l-2027. Permezz ta’ dan il-ftehim qed jiġi allokat finanzjament totali ta’ €565,020 fuq medda ta’ tliet snin.
Il-Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema u lill-voluntiera kollha involuti fil-ħidma li ssir minn Dar Emmaus u tenna l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jinvesti f’servizzi li jħarsu d-dinjità tal-persuna u joffru sostenn konkret lil dawk li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli.
Huwa saħaq li l-investiment f’Għawdex għandu jħaddan kull aspett tal-ħajja Għawdxija, mill-iżvilupp tan-negozji u t-tisħiħ tal-Kunsilli Lokali sal-appoġġ lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
