Saturday, December 21, 2024

Keith Schembri jixhed quddiem il-PAC dwar l-power station tal-gass

Aqra wkoll

Akkumpanjat mill-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, Keith Schembri li kien chief of staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, xehed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi dwar ir-rrapport li l-Awditur Ġenerali għamel b’rabta mal-power station tal-gass.

Is-seduta li damet madwar sagħtejn Schembri qal li l-prijorità tal-Gvern dakinhar kienet li jitraħħsu l-kontijiet tal-ilma u d-dawl. Hu sostna li f’dak iż-żmien il-kontijiet kienu saru bi prezzijiet għoljin ħafna taħt Gvern Nazzjonalista.

F’ħafna mis-seduta saru diversi mistoqsijiet dwar x’kien wassal lill-pajjiż li jagħmel li jmur għall-power station tal-gass, minflok tal-heavy fuel oil.
Schembri ġie mistoqsi dwar kif sar il-proċess tas-sejħiet u anke dwar kif hu kien informat dwar id-deċiżjoni li l-proġett għandu jsir minn Electrogas.

Ix-xhud qal li meta kien għaddej il-proċess kien irċieva talba mingħand il-Gvern Ġermaniż biex il-proċess ikun wieħed ġust minħabba li kien hemm il-kumpanija Siemens involuta liema kumpanija hija Ġermaniża.

Hu sostna li wara li beda l-proċess, imbgħad il-konsorzju rebbieħ kien dejjem jitkellem mal-Ministru Konrad Mizzi u l-aktar kienu jitkellmu miegħu dwar kif għandu jiġi implimentat.

Kemm-il darba, għal xi mistoqsijiet Schembri qal li dawn imorru lura għaxar snin u mhux qiegħed jiftakar id-dettalji kollha. Qal ukoll li ma jiftakax minħabba l-problemi f’saħħtu li kellu f’dawn l-aħħar ħames snin.

Meta ġie mistoqsi dwar il-kumpanija fil-Panama, Schembri qal li din m’għadix miftuħa.

Mistoqsi kinetx kumbinazzjoni li l-kumpanija tiegħu u ta’ Konrad Mizzi nfetħu flimkien, Schembri qal li kienet kumbinazzjoni.

Ekonomija

Sport