Sunday, December 22, 2024

Kelliem għall-PN jisħaq dwar il-bżonn ta’ pitkalija f’Għawdex

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Art agrikola speċjalment dik speċifikament tal-gvern għandha tintuża mill-bdiewa u r-raħħala ġenwini għal skopijiet agrikoli. Dan sostnieh il-kelliem għall-Agrikoltura f’isem il-Partit Nazzjonalista Toni Bezzina filwaqt li saħaq li l-Ministru konċernat għandu jekk hemm bżonn “ineħħi l-ingwanta tal-bellus u jsabbat saqajh” biex il-bdiewa Għawdxin ikollhom pitkalija f’Għawdex.

Bezzina saħaq li titkellem ma’ min titkellem minn dawk involuti, ħlief dwar problemi ma jkellmukx. Huwa appella lill-Ministru biex jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn għax dan is-settur mhux talli m’għadux ir-raba’, iżda spiċċa waqa’ lura u kif. Żied biex jgħid li dan is-settur matul is-snin baqa’ sejjer lura u għalhekk jeħtieġ li jerġa’ jibda jieħu spinta ’l quddiem. Fost proposti oħrajn, Bezzina qal li fil-qasam turistiku għandu jkun promoss l-prodott lokali. Spjega li bħalma meta nsiefru barra minn pajjiżna, nfittxu xi ħaġa tal-lokali u għalhekk aħna għandna nagħmlu l-istess biex parti mill-esperjenza tat-turisti li jżuruna tkun li jduqu l-prodotti tagħna biex inkunu qegħdin ngħinu lil dawn il-persuni li jaħdmu qatigħ is-sena kollha biex jipprovdulna dawn il-prodotti.

Huwa temm jgħid li dan is-settur ma nistgħux nħarsu lejh minn lenti politika. Qal li għalkemm hu jikkritika fuq diversi punti, il-ħsieb hu li ż-żewġ naħat tal-Kamra jiddibattu u jaslu għal soluzzjonijiet biex dan is-settur jitla fejn verament jixraqlu.

Ekonomija

Sport