Monday, September 23, 2024

Kellu xi jgħid ma’ bouncer u laqat persuna oħra b’tazza

… ikkundannat sentejn u sitt xhur ħabs

Aqra wkoll

Brahim Ouahmane, Marokkin ta’ 33 sena residenti l-Għargħur, kien ikkundannat sentejn u sitt xhur ħabs wara li ammetta li darab gravi raġel ieħor f’San Ġiljan u li kiser il-paċi pubblika. Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda, bejn nofsillejl u s-2.00 p.m. fi Triq Santa Rita.

Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija kienet mitluba tassisti fuq il-post wara argument li nqala’ fuq it-taraġ f’Paceville. Ġie spjegat kif il-ġlieda oriġinarjament kienet bejn bouncer u l-imputat, iżda f’ħin minnhom dan tal-aħħar waddab tazza’ u laqat terza persuna li ma kinitx involuta.

Il-pulizija kienu sabu lill-vittma bid-demm ħiereġ minn wiċċu. Fil-Qorti, l-imputat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, u reġa’ kkonferma din l-ammissjoni anke wara li kkonsulta mal-avukat tiegħu.

Fil-konsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor G. Axiak qieset li fiċ-ċirkostanzi u fid-dawl tal-ammissjoni bikrija tiegħu, il-fatt li l-imputat għadu fedina penali nadifa, kellha tara li jkun hemm bilanċ bejn id-dritt tas-soċjetà li tkun protetta u l-interessi tal-imputat jekk tmur għal piena li tqarreb lejn il-minimu.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti kkundannatu piena ta’ 30 xahar priġunerija. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-imputat u favur il-vittma għal perjodu ta’ tliet snin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard u l-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għal Ouahmane deher l-Avukat Martin Fenech, bħala avukat tal-għajnuna legali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport