Monday, September 23, 2024

Missier, omm u bint il-qorti wara argument fuq il-bejgħ tad-dar matrimonjali

Aqra wkoll

Nhar il-Ħadd li għadda, il-Qorti fetħet b’urġenza wara li l-pulizija akkużaw missier, omm u bint li kellhom argument dwar il-bejgħ tad-dar matrimonjal. Il-missier u l-omm għaddejjin minn separazzjoni. Huma wieġbu mhux ħatja.

Il-missier, Alan Grech ta’ 43 sena li fil-Qorti qal li jaħdem bħala ġardinat, ġie akkużat li beżża’ lil martu li se juża vjolenza kontriha. Huwa ġie akkużat ukoll li kkawża feriti ħfief fuq l-eks mara tiegħu u anke fuq binthom. Ġie akkużat ukoll li hedded lil bintu.

L-omm, Michelle Grech, li taħdem bħala helper, kienet akkużata li beżżgħet lil żewġha li se tintuża l-vjolenza fuqu u li kkawżatlu feriti ħfief.

Tressqet ukoll Kelsey Grech, ta’ 23 sena, bint il-koppja li qalet li taħdem bħala infermiera. Hija ġiet akkużata li ġarrbet feriti fuq missierha u li heddidtu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-każ seħħ fit-12 ta’ Settembru li għadda għall-ħabta tas-6.30pm meta l-akkużati kienu fid-dar matrimonjali f’Ħaż-Żabbar u nqala’ argument dwar il-konvenju.

L-argumenti bdew bejn it-tifla u missierha li eskalaw tant li l-argument minn wieħed verbali sar wieħed fiżiku. Imbgħad ftit wara daħlet l-eks mara fl-argument u bdew jagħtu kollha fuq xulxin. Intqal ukoll li r-raġel kellu pouch, li l-mara ħaditlu u fih sabitulu trab abjad, allegatament droga kokaina.Dan il-basket ingħata lill-pulizija tad-distrett u bħalissa għaddejja investigazzjoni separata.

Il-mara u bintha marru lejn ix-Xgħajra għand qariba fejn qegħdin jgħixu bħalissa fejn allegatament bir-raġel mar warajhom u baqgħu jargumentaw hemm. Kien hawn li l-pulizija ssejħu fuq il-post, iżda sakemm waslu r-raġel laħaq telaq.

Il-Pulizija arrestaw lir-raġel fejn ta verżjoni differenti minn dik li taw l-omm u l-bin waqt li kienu mitkellma mill-uffiċjali tal-korp. Huwa qal li t-tifla bdiet tinsultah u tidgħilu, waqt li l-mara kissret vażun f’wiċċu. Huwa allega wkoll li l-eks mara tiegħu ħadet il-pouch li kellu u l-mowbajl tiegħu.

Id-difiża tal-missier talbet biex jingħata l-ħelsien mill-arrest filwaqt li qalet ukoll li l-akkużati mhux se jkunu qegħdin jixhdu kontra xulxin. Il-Prosekuzzjoni qalet li jekk huma jesprimu x-xewqa li ma jixhdux kontra xulxin, mhix se toġġezzjona għat-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat Victor Axiak laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordna li t-tliet akkużati jattendu għas-seduti fil-Qorti, li ma javviċinawx lil xulxin u li, jekk ikun hemm bżonn li jkellmu lil xulxin, jagħmlu dan permezz tal-avukati tagħhom.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-omm u l-bint kontra l-missier; u ordni ta’ protezzjoni favur il-missier kontra l-omm u l-bint.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport