“L-imħabba għall-Karnival ta’ Malta bdiet min-nannu, kompliet b’missieri, iz-zijjiet u l-kuġini. Ma kellix għażla oħra. Kien awtomatiku li anke jien nidħol fih. Niftakarni kif minn dejjem kelli din il-passjoni. Ma niftakarx mod ieħor. Kemm għandi memorja dejjem nafni fil-Karnival”.
Hekk qal lil dan il-ġurnal Roderick Zerafa, ġuvni ta’ 36 sena minn Ħal Qormi San Ġorġ, li ddedika ħajtu għall-Karnival ta’ Malta. Filwaqt li x-xogħol tiegħu proprja huwa ma’ kuntrattur fejn jarmaw għall-festi ta’ matul is-sena, inkluż il-Milied, fil-ħin li liberu tiegħu jmexxi l-kumpanija tal-Karnival “Totò Perżuta”. Din il-kumpanija, imwaqqfa minn Zerafa stess, issa ilha 16-il sena tikkompeti u din is-sena se jkollha s-17-il karru tagħha.
Familja li kienet tipparteċipa bil-karozzini u l-karettuni
Il-familja ta’ Zerafa hija familja ta’ artisti lokali b’passjoni kbira fil-Karnival u hija magħrufa bħala “Tal-Prince”. Fl-imgħoddi din il-familja kienet tipparteċipa fil-Karnival bil-karozzini u l-karettuni. Dan kien nannuh. Illum il-ġurnata huma stabbiliti fil-karrijiet.
“Nistgħu ngħidu li tagħna hija waħda mill-akbar kumpaniji li għamlet suċċessi fil-Karnival ta’ Malta. Bdejt mill-iskola nagħmel xi affarijiet. L-ewwel karru għamiltu fit-tielet sena tas-sekondarja. Dak iż-żmien kelli l-għalliem tal-arti, Joe Galea u nibqa’ nafulu sal-lum għax naħseb huwa kien wieħed min-nies li fetaħli moħħi kif għandi mmur fuq suġġetti tal-Karnival fosthom li ma nibqgħux immorru fuq l-istess suġġetti bħala tema. Pereżempju, il-kumpanija tagħna hija magħrufa ħafna għas-suġġetti li ta’ kull sena nagħżlu. Fosthom kellna karru black and white u daħħalna lil Freddy Portelli. Jiġifieri, dejjem żammejna suġġetti interessanti ħafna u differenti,” elabora Zerafa.
Din is-sena fil-fatt il-kumpanija “Toto Perżuta” wkoll għażlu suġġett partikolari. Zerafa qalilna li t-tema għall-Karnival 2025 tagħhom “hija waħda oriġinali ħafna li qatt ma saret. Qegħdin nagħqdu l-passat u l-futur billi daħħalna lil Joseph Armani u lil Denzel Armani. Dawn huma l-missier u l-iben. Jiġifieri għandek il-passat irrappreżentat mill-missier u mbagħad għandek il-futur bl-iben. Wara dan kollu hemm ukoll it-teknoloġija…”
Ħafna xogħol u ħafna ħsieb
Huwa spjega kif wara l-prodott finali tal-karrijiet li naraw fit-toroq f’dawn iż-żminijiet, hemm ħafna xogħol u hemm ukoll ħafna ħsieb. Fir-rigward Zerafa qalilna li, “il-fażi finali hija sabiħa għax tkun qiegħed tagħlaq il-prodott imma għalija l-isbaħ fażi hija meta tibda toħolqu. Il-ħsieb fuq liema tema se tmur għax imbagħad tibda r-riċerka tiegħu. Dan żgur huwa l-isbaħ mument… Jien ngħix għalih. Fil-fatt qiegħed inħares bil-quddiem li jgħaddi dan il-Karnival ħalli l-ġimgħa d-dieħla nagħmel ir-riċerka”.
Filwaqt li bi tbissima stqarr li mhuwiex persuna li jaf iqassam il-ħin tiegħu tajjeb, Zerafa speċifika kif “niddedika ħafna u ħafna ħin. Biss biss ili disa’ xhur għaddej fuq dan il-karru. Kif inlesti mix-xogħol niġi hawn. Il-bniedem li naħdem miegħu jifhimni ħafna u m’għandix x’ingerger minnu. Pereżempju, fl-aħħar ġranet kont qiegħed nitla’ fl-erba’ u nkompli sa xis-sitta tal-għada filgħodu. Il-Karnival huwa rabta li tirrikjedi dedikazzjoni kbira”.
“It-tieni Karnival tiegħi nadif mid-droga … Kuntent bijja nnifsi u kuntent bil-prodott”
Mistoqsi liema hija l-aktar sena li tagħtu sodisfazzjon il-karriera tiegħu fil-Karnival ta’ Malta, Zerafa b’espressjoni ċara ta’ eċċitament f’wiċċu qalilna li, “emminni li naħseb li hija din is-sena. Naħseb din is-sena hija l-aktar sena li batejt fiha imma hija l-aktar sena li qiegħed nieħu pjaċir nagħmlu”.
Ir-raġuni wara dan qasamha magħna wkoll. “Dan huwa t-tieni Karnival tiegħi nadif mid-droga. Qabel jien kelli problema kbira minħabba abbuż ta’ droga. Dejjem bqajt għaddej fil-Karnival imma qatt ma stajt niffaċċja u nikkordina sewwa l-affarijiet. Din is-sena hija l-aktar sena li ninsab iffokat u l-aktar li qiegħed nidderieġi l-affarijiet tajjeb. Kuntent bijja nnifsi u kuntent bil-prodott tal-karru”.
Dwar l-inqas sena li forsi tagħtu sodisfazzjon, Zerafa warrab dik ta’ żmien il-Covid għax bħala kumpanija “Totò Perżuta” kienu għamlu xi ħaġa li baqgħet tissemma’. Qal dan għax filwaqt li l-Karnival ma sarx hawn Malta, huma ma qatgħux qalbhom u telgħu jikkompetu Għawdex. “Mentri, naħseb l-aktar sena diffiċli għalija f’dan is-sens kienet meta kont il-programm. Tliet snin ilu kont għamilt programm mal-Caritas u ma stajtx inkun ma’ sħabi. Dak iż-żmien kont noħroġ fi tmiem il-ġimgħa. Il-ħbieb tiegħi xorta kienu armaw hawn ġew u xorta ħareġ karru imma jien ma stajtx inkun magħhom. Imma, almenu, il-kumpanija tiegħi xorta baqgħet għaddejja. Ma jiddispjaċinix. Anzi, imn’alla għamilt dan il-programm. Ħadt ħajti lura għax l-abbuż tad-droga kien ħadli kollox u sal-lum għadni ħieles”.
“Il-Karnival qiegħed isir diffiċli, ma nimmaġinax li ma jsirx”
Lil Zerafa fil-fatt, meta tkellmu tinduna kemm għalih il-Karnival huwa ħajtu. Huwa li trabba’ u għex f’din id-dinja tal-bluha jemmen li l-Karnival huwa parti integrali tal-kultura Maltija kif ukoll huwa importanti fil-kalendarju tagħna. “Għalkemm il-Karnival qiegħed isir dejjem aktar diffiċli, ma nimmaġinax li ma jsirx. Qiegħed isir diffiċli għax sar diffiċli finanzjarjament”
“Illum il-ġurnata biex tagħmel karru iebsa. Aħna diġà nfaqna €60,000. Dan l-ammont mhuwiex ċajta. Qegħdin insemmu eluf kbar u meta terbaħ, tieħu ċuċata. Jien fil-verità għalhekk barra ommi, missieri u ħuti, qatt ma għamilt familja għax naħdem għalih u għalhekk ma stajtx nikkometti ruħi. Il-paga fih nitfgħu. Għalija l-Karnival huwa wisq importanti u dejjem kont ngħid li l-ħajja li ngħix minħabba l-Karnival, ma stajtx inrabbi familja. Dan għax naħa minnhom se tbati u jiena nemmen li fil-ħajja ħadd ma ħaqqu jbati”.
Zerafa spjega kemm il-Karnival sar impenjattiv ħafna bid-dilettanti kollha bħalu jqattgħu ħafna ħin fil-maħżen. Mistoqsi jekk f’Malta għandniex nies li jaħdmu full time fuq il-Karnival huwa rribatta li, “le imma j’alla naslu s’hemm. Din hija l-akbar xewqa li għandi. Mhux għalija għax maż-żmien se nibda nnaqqas mill-Karnival. Issa wasal iż-żmien. Il-Karnival tajtu ħafna – 16-il sena. Dejjem kont kompettitiv u qatt ma għidt li ma ħadtx pjaċir. Bit-tajjeb u l-ħażin dejjem bqajt għaddej u dan anke meta kelli l-abbuż tad-droga. Qatt ma waqaft. Imma, il-Karnival qiegħed jikber ħafna u hemm bżonn li jsir xi ħaġa”.
Bżonn ta’ nies full time … Bżonn li jinfetħu l-bibien tal-imħażen
Min-naħa tiegħu dan il-ġuvni jħoss li almenu, għandu jkun hemm żewġ persuni li jmexxu l-kumpaniji tal-karrijiet li jkunu full-time. “Hekk dawn ikunu jistgħu jibdew jiftħu l-bibien tagħhom lin-nies inklużi lit-turisti, matul is-sena kollha,” insista Zerafa fejn żied li, “din hija mentalità li hawn Malta. Għadna ftit lura fiha meta mqabbla ma’ dak li jagħmlu fost oħrajn l-Italja u l-Kolombja. Il-problema hija li ma tkunx full-time u allura filgħodu ma jkun hawn ħadd. Għalhekk il-full timers. Ikunu fil-maħżen u jistgħu jiftħu”.
Huwa insista li x-xogħol tagħħhom huwa ftit apprezzat mil-pubbliku. “biex verament tapprezzah trid tara l-proċess. Jien ma nagħtihomx tort għax jien li naħdem fih u trabbejt fih, jekk nara karru lest, minix se napprezza li hemm taħt. Biex tapprezzah mhux tara l-karta ta’ barra għax din hija l-inqas ħaġa li tiswa flus u l-inqas li fiha xogħol. L-iktar ħaġa li tiswa flus u trid il-ħin għalih huwa x-xogħol ta’ ġewwa – il-makkinarju. Jiġifieri biex tapprezza karru tal-karnival trid tiġi tarah fl-aħħar fażijiet tat-tlestija tiegħu. Hekk tara kollox. Il-bini bl-istruttura tal-ħadid u l-makni fih,” issuġġerixxa Zerafa.
Huwa jemmen li bħala kumpaniji tal-Karnival importanti li jibdew jiftħu l-bibien tal-imħażen. Proprju għalhekk din is-sena, eżattament tliet ġimgħat qabel il-Karnival, il-kumpanija ta’ Zerafa għamilet biċċa xogħol tajba ħafna meta tellgħu spettaklu tal-moda fil-maħżen. “Daħħalna 500 persuna hawn ġew. Kien hawn il-karru bil-fażi ta’ quddiem lesta u ta’ wara le. Ħdimna ħafna għaliha u kellna rispons tajjeb immens. Is-soltu, sal-aħħar minuta, ma nirrilaxxawx il-karru u ħadd ma jkun jaf x’għandna imma din is-sena għamilna mod ieħor. Is-sena d-dieħla se nippjanaw akbar u se nara li niftaħ il-maħżen qabel”.
Zerafa kompla jgħidilna li fil-ġimgħa ta’ qabel il-Karnival il-kumpanija tiegħu tiftaħ ukoll il-bibien tagħha għall-iskejjel li jieħdu gruppi ta’ tfal fejn biex ifhemuhom il-proċess sabiħ tal-bini ta’ karru tal-Karnival. Għal dan l-artist lokali, tali attivitajiet edukattivi huma impenn importanti ħafna biex inrawwmu lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda.
“Jien ma nħobbx il-karru tiegħi… Jien inħobb il-Karnival”
F’din l-intervista li għamilna fil-maħżen stess tal-kumpanija “Totò Perżuta”, Zerafa b’ton sinċier sostna li, “jien ma nħobbx il-karru tiegħi. Jien inħobb il-Karnival. Meta kien għamel il-maltemp u tkissret it-tinda kont daħħalt il-karriijiet kollha li kien hemm taħt it-tinda fil-maħżen tiegħi ħalli nevitaw li jitkissru. Saħansitra, għax għent lil ħaddieħor, kont iġġilidt man-nies tiegħi u s-sena ta’ wara kienu telquli kollha imma ma jiddispjaċinix. Dan għax kif dejjem ngħid, jien il-Karnival inħobb u ma nagħmlux waħdi. Mingħajr il-ħbieb tiegħi li jaħdmu u jikkompetu, ma jsirx il-Karnival li għandna llum”.
Kien hawn li dan il-ġuvni nnota li, “illum il-Karnival m’għadux dak it-tip ta’ Karnival li tista’ tagħmel il-bluha. Ikun hemm ferħ għax se nagħtu pjaċir imma llum il-Karnival sar jinvolvi ħafna spettaklu. Aħna għandna lil Joseph u lil Denzel Armani fuq il-karru imma għandna wkoll sfilata bil-mużika. Trid tara li ma jweġġa’ ħadd u trid tara kif tilqa’ għal ħsarat kif ukoll kumplikazzjonijiet oħra li jistgħu jinqalgħu. Aħna nibdew mis-Sibt u nibqgħu sejrin sat-Tlieta u ħa nagħtu pjaċir lin-nies. Naħseb li f’dawk l-erbat ijiem jien l-inqas persuna li nieħu pjaċir. Il-pjaċir tiegħi huwa hawn ġew u issa l-mument”.
“Milli smajt se jkollna wieħed mill-ikbar Karnivali li qatt rajna f’Malta”
Mid-dettalji li tagħna, din is-sena l-kumpanija “Totò Perżuta” se jagħtu pjaċir speċjalment lil dawk li jiftakru lil Joseph Armani u ma jistgħux imorru għall-parties tiegħu għax illum għandhom il-familja u kibru. “Ma setgħux imorru huma u aħna se nġibuhulhom fil-Karnival ta’ Malta. Jiġu u mal-karru tagħna se jisimgħu l-kanzunetti li kienu jisimgħu meta kellhom 16-il sena. Dik hija l-mira tagħna ta’ din is-sena,” qal kburi Zerafa.
Min-naħa tiegħu huwa temm iħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi l-erbat ijiem tal-Karnivali. “Dan għax milli smajt, għax x’għandu ħaddieħor ma nafx, din is-sena se jkollna wieħed mill-ikbar Karnivali li qatt rajna f’Malta. Iż-żgħażagħ għandhom ikunu jafu li l-Karnival huwa delizzju sabiħ immens. Tradizzjoni unika li trid tkun kommess għaliha imma tagħtik sodisfazzjon kbira. Għalija l-Karnival huwa vizzju aktar qawwi minn dak tad-droga u żgur li jagħtik ferm aktar pjaċir. Id-delizzju tal-Karnival jagħtik pjaċir li ebda ħaġa oħra ma tagħtik,” temm Roderick Zerafa.