Sunday, December 22, 2024

“Kemm hu sabiħ li tgħin lil ħaddieħor minkejja li tkun qed tissogra ħajtek”

David Caruana, uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili li kien parti mill-kontinġent Malti fit-Turkija

Aqra wkoll

“Kemm hu sabiħ li tgħin lil ħaddieħor u tagħmlu minn qalbek, għalkemm tkun qed tissogra ħajtek … issalva ħlejqa mit-tifrik ukoll tħoss sodisfazzjon ta’ ferħ f’qalbek, aħseb u ara meta ssalva persuna,” qal David Caruana, f’messaġġ li tella’ fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook.

Caruana huwa wieħed mill-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li kien parti mill-missjoni tal-kontinġent Malti fit-Turkija, liema kontinġent kien jikkonsisti fi 32 pumpier u kelb tad-Dipartiment.

“Wara ġimgħa f’diżastru ta’ terremot li laqat lit-Turkija, jien u sħabi tal-Protezzjoni Ċivili tajna kemm stajna, lejl u nhar; qellibna kemm flaħna ġot-tifrik biex noħorġu persuni minn qalb ir-radam,” kompla jispjega Caruana.

Huwa temm il-messaġġ tiegħu billi rringrazzja lil sħabu l-pumpieri li kkollaboraw sew bħala tim biex flimkien wettqu l-ħidma tagħhom bil-għan li jsalvaw “Persuni u ħlejjaq żgħar bla leħen”, kif ukoll lill-uffiċjali li sabuhom ta’ spalla u lill-familjari tagħhom illi kienu ta’ sostenn kbir għalihom minkejja li ma kienx faċli li jarawhom sejrin.

Ekonomija

Sport