Sunday, December 22, 2024

KEMM IDUM PROĠETT

Aqra wkoll

Kont naħseb li l-aktar kondizzjoni siewja li proġett ta’ bini – żgħir jew kbir, publiku jew privat – kienet titpoġġielu meta jingħata l-permess kienet li jrid ikun lest sa ċertu żmien. Aktar u aktar jekk il-proġett ikun se jinvolvi dwejjaq għal ċittadini li m’għandhomx x’jaqsmu miegħu – bħala residenti, jew bħala sewwieqa, jew bħala nies “komuni” li qed jaqsmu jew jgħaddu minn triq. Biex ma nsemmux negozji.

Mentri li le – jidher li din il-kondizzjoni ma teżisti fl-ebda proġett. Bilfors hekk hu, għax ma’ kullimkien tara ħidmiet ta’ bini mħollija nofs leħja għal ġimgħat, imbagħad ikomplu bit-tlikki tlikki. Proġetti kbar tal-gvern bid-data mħabbra għat-tlestija skaduta – u ġranet sħaħ mingħajr ma tidher ruħ fuq il-lant tax-xogħol.

Ma nifhimx kif dawn l-affarijiet baqgħu jitħallew jiġru, b’dak kollu li jġibu magħhom – l-ingombri, it-tniġġis ambjentali, il-perikli ta’ aċċidenti bil-lejl (la xogħlijiet nofs leħja jitħallew nofshom fid-dlam) …

***

L-AIR MALTA U L-INDIPENDENZA  

L-aqwa kisba tal-Indipendenza kellha tkun dik li għax il-Maltin ħadu rajhom f’idejhom, setgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li kellhom ikunu għall-aqwa ġid ta’ pajjiżhom, mhux ta’ ħaddieħor. Li din l-aspirazzjoni ma kinitx ħolma fiergħa urewna l-fatti. Qatt fl-istorja tal-gżejjer Maltin, l-ekonomija ma marret ’il quddiem daqskemm għamlet mill-1964 lil hawn.

Sa issa madankollu kellna żewġ każi fejn b’mod ċar, morna kontra dir-regola. L-ewwel wieħed, tat-tarznari mhuwiex għal kollox konvinċenti, għax it-tarznari wiritnihom mngħand il-kolonizzatur li għal kważi seklu u nofs, kien illimitahom għat-tiswija ta’ vapuri tal-gwerra.

L-istess ma jistax jintqal għall-Air Malta. Kienet “għodda” għall-iżvilupp tal-pajjiż li tfasslet wara l-Indipendenza u tat riżultati mill-aqwa. Imma ma għarafniex nieħdu dwarha d-deċiżjonijiet li kellhom ikunu għall-aqwa ġid tal-pajjiż.

***

TONGA U MALTA

Tonga, gżira bħal Malta b’popolazzjoni il-kwart tagħna, sofriet minn diżastru naturali li kontrih ma kellhiex difiża. Art ċkejkna quddiem tsunami jew terremot kbir, tinsab f’periklu fatali, għax m’għandhiex territorju kbir… bħall-Ġappun jew l-Awstralja: mhux biċċa minnha biss taqla’ l-burraxka, imma l-pajjiż kollu.

Kif tista’ soċjetà ċkejkna tilqa’ għal diżastru ta’ dal-kobor? Hi xi ħaġa li rridu nistaqsu dwarha u nkunu lesti għaliha bit-tama li qatt ma jkollna bżonn naffaċċjawha fir-realtà. Imma qatt ma tista’ tgħid.

Snin twal ilu kont ktibt rakkont (li ftit qraw jew forsi ħadd) dwar inċident nukleari qrib ta’ dawn il-gżejjer li jkun ġab tniġġis nukleari qawwi fiż-żona tal-Mediterran ċentrali. Is-soluzzjoni kienet l-evakwazzjoni tal-popolazzjoni Maltija u Għawdxija kollha.  Mhux l-ewwel darba li kien biss b’dal-mod li popolazzjnijiet żgħar ġew salvati minn gwaj kbir wisq.

Ekonomija

Sport