Mhux li kien kulħadd jaf iħobb u mhux li kien ħadd ma jindaħal lil min tħobb. Fir-realtà la nagħżlu kif inħobbu u wisq anqas nagħżlu lil min iħobbna.
Din il-ġimgħa qed niċċelebraw Prideweek. Ġimgħa mfassla biex tqajjem kuxjenza fuq id-diversità fl-imħabba u stil ta’ ħajja li ngħixu. Għal xi wħud hi biss karnivalata jew xeneġġar żejjed minn min hu omosesswali.
Il-verità hi li kull min jaħseb hekk, nistiednu joħroġ ‘il barra mill-bużżieqa ta’ ħsieb tiegħu u jagħraf li kieku ma kienx għal Mintoff, min kien omosesswali f’pajjiżna mhux talli jixxala fil-Prideweek talli kien ikun protagonist ġo funeral hekk kif Malta kienet tikkundanna għall-piena tal-mewt lil min jgħix barra min-norma. Ejjew ma ninsewx li kien biss ftit snin ilu li ma kienx
għal Joseph Muscat, kull min kien omosesswali ma setax iħobb kif jixtieq lil min irid għax pajjiżna kien iċaħħad l-eżistenza ta’ koppji tal-istess sess milli jgħixu b’ekwita u b’ġustizzja.
Huwa minnu li n-norma hi li l-maġġoranza huma attratti għal persuni ta’ sess oppost bħalma hu bioloġikament fatt li att sesswali bejn koppja ta’ sess oppost jaf jirriżulta fi tnissil tal-ulied. Dan ma jbiddel xejn minn fatti oħra fosthom:
- L-omosesswalita mhux diżordni.
- Kopji tal-istess sess kapaċi jkunu ġenituri tajba.
- il-kuntentizza ta’ persuna mhux ibbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.
- Li tkun kburi bik innifsek tiddeċiedih int mhux ħaddieħor għax ħadt ma jgħix ħajtek.
- L-imħabba ma fihiex kuluri iżda sfortunatament f’pajjiżna l-apprezzament tal-komunità LGBTQI fiha distinzjoni bejn il-kuluri politiċi.
Tul il-ħajja pubblika tiegħi dejjem rajt li nippromwovi d-diversità u rikonoxximent lejn il-komunità LGBTQI. Meta kelli l-opportunità politika li nissielet f’isimhom hekk għamilt b’konvinzjoni u determinazzjoni. Ironikament waqt li fl-ezekuttiv tal-PN kont niddiskuti temi ta’ koabitazzjoni u unjoni ċivili, il-Partit Laburista kien qed jara li jwettaqhom fil-Gvern b’ Joseph Muscat Prim Ministru. L-ipokresija politika hi li fis-siegħa tal-prova l-Partit Nazzjonalista dejjem oppona jew astjena minn ħajjet il-persuni li huma f’minoranza.
Bħal destin pjanat, kelli nkun elett wara s-siġġu vakat mir-reġina għad-drittijiet tal-LGBTQI f’pajjiżna u eroj fuq bażi Ewropew, Helena Dalli.
Illum il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li d-dar ċentrali hi d-dar ta’ kulħadd. Ħasra li l-politika li tissawwar ġo fiha hi altru minn inklussiva. Ħasra tkun min jibla l-lixka u jinsa kemm fl-istorja riċenti kellu jkun dejjem il-Partit Laburista li jagħti qalbu u moħħu biex tgħix kif inti bla ma tħossok inferjuri għal ħadd.
Min jinsa dan kollu jkun, qiegħed biss jagħti raġun lil min jemmen li m’hemmx bżonn jibqgħu isiru Prideweeks.
Fil-fratemp nibqa nqajjem kuxjenza dejjem għal kull stil ta’ ħajja divers għaliex
nemmen fil-prinċipju li la jien kburi kif jien hekk għandu jkun ħaddieħor, differenti kemm hu differenti minni.
Inħares ‘il quddiem li flimkien nistgħu nerġgħu nitgħanqu u niċċelebraw lil xulxin b’ għajta komuni ta’ “kemm inħobb!”
Jean Claude Micallef MP | 3 distrett