Friday, May 3, 2024

“Kemm sabu? Għaliex m’intomx tiġu tarawni, x’għamiltilkom?”

Aqra wkoll

Il-problemi li l-pandemija ġġib magħha speċjalment għall-anzjani

Minn Victor Vella

“Kemm sabu llum? Mietu aktar?” “Tħares lejha tara l-biża’ f’għajnejha.” “Bla interess fuq li nkun ħadtilha. Tistaqsik u tkellmek fuq il-każi ta’  imxija. Fejn spiċċa dak il-ferħ li kien ikollha kif tarana?”. ‘U kif ngħidilha kemm sabu, tara d-dieqa fil-wiċċ. Dieqa li fuq wiċċ ommi ftit li xejn rajt, ħlief meta tlifna membri tal-familja. Tara l-għajnejn idemmgħu xi ftit. Nevita li ngħidilha kemm mietu. Nbiddel id-diskors u nibda ngħidilha x’ġibtilha. Interess tinduna li m’hemmx”.  “Mur u inġabar”, ikun il-kliem li tlissen wara.

Din hi l-esperjenza li qed jgħaddu minnha fl-aħħar jiem ulied li għandhom ommhom fi djar tal-anzjani, realtà ta’ tensjoni u dieqa li minnha qed jgħaddu ħafna anzjani li qegħdin l-istess djar. Illum it-tensjoni mhix biss dik marbuta mal-fatt li l-kuntatt ma’ uliedhom waqaf, imma hi mmexxija mill-biża ta’ dak li għaddejjin minnu biż-żieda fil-każijiet ta’ imxija.

Inewsmalta stħarrġet is-sitwazzjoni li qegħdin jgħaddu minnha l-anzjani fid-djar tal-anzjani. Maqfulin bl-għan li jkunu protetti,  għalkemm dan minnu nfih qed jikkawża problemi oħra.  Fost dawn  hemm ansjetà kbira. Ansjetà fost l-anzjani b’biża li jispiċċaw jieħdu l-virus tal-Covid19 u ansjetà fost  il-qraba li qed jaraw lil qraba tagħhom ħafna drabi l-ġenituri b’sitwazzjoni ta’ biża, b’xewqat għal affarijiet żgħar li ma jistgħux jikkuntentawhom u rimors li f’xi każi l-anzjani mhux jifhmu għaliex uliedhom mhux qed imorru jarawhom spiss bħal qabel. 

Il-bieb magħluq u ma jistgħux jikkomunikaw sew għax l-omm bi hearing aide

Tmur f’dar partikolari u ssib li l-bieb ikun magħluq. Tara anzjani jixirfu mill-purtieri ta’ wara it-twieqi. Tħares warajk u tara neputijiet, jew ulied, ixerju lil dawk l-anzjani. Mument li ma jdumx, għax dlonk l-anzjani jagħlqu lura il-purtiera.

Iċċempel il-qanpiena u jiġu jiftħulek. Issib il-carers armati bil-maskli.  Ftit bogħod il-post fejn tiltaqa’ mal-qraba bil-perspex jifred l-anzjana mill-qraba.  Tiskanta kif dik l-omm, meta tħares lejha tara li donnu marrilha dak il-ferħ meta tara lil uliedha. 

“Entużjażmu ta’ xejn ommi. Kif tarani tgħidli kemm sabu. Konxja ħafna ta’ dak li għaddej. Nmur naraha darba fil-ġimgħa. Dejjem tilqagħni bl-istess mistoqsijiet dwar il-virus.  Jien inċempliha, għalkemm mhux faċli nikkomunikaw minħabba li hi għandha l-hearing aide”. 

“Għamilna mikrofonu biex nikkomunikaw aħjar imma ma tħossokx komdu”

U ssegwi lil qarib jitkellem ma’ ommu. Tinduna li hemm problema fil-kommunikazzjoni. Hu jgħolli leħnu u hi tresssaq widnejha lejn il-perspex. Jerġa’ jibda jirrepeti. Tisimgħu jgħid l-istess ħaġa u hi tipprova ifhem x’qed jgħidilha. L-anzjana għandha l-hearing aide, imma minħabba l-perspex f’xi każi jkun hemm diffikultà biex xi anzjani jisimgħu sew. 

“Ma nistax nikkomunika magħha bi Skype jew hekk għax ommi ma tafx tħaddem il-kompjuter. Niġi darba fil-ġimgħa, il-ħin li għandi allokat.  Xorta diffiċli tikkomunika magħha minħabba l-perspex. Issa armajna mikrofonu. Dan ovvjament aħjar, għalkemm tħosssok skomdu hu”.

“Tkun mejta għal ftit butir”

Idur lejja u jgħidli li “niġi hawn qalbi tinqasam. Tkun mejta għal ftit butir. Dak titlobni. Ġibli naqra butir? Dan jien ma nistax inġibu. Ma jħallunix inġibu. Tgħidli erġajt ma ġibtlix butir? Ngħidilha li ma nistax. Tgħidli u mhux tpoġġih fil-basket”. 

“Emminni inħoss rimors kbir. Meta naraha għatxjana għal xi ħaġa tant żgħira, ftit butir”, jgħidilna binha. 

“Li ma tistax tgħannaq u tbus għal ommi hi agħar mill-Covid-19”

Jispjegalna li “ommi ilha minn Marzu li għadda ma tgħannaqna u tbusna. Din hi l-aktar ħaġa li tkiddha. Anki aħna nħossuha ħafna din”. Jenfasizza li   “quddiem din is-sitwazzjoni nifhmu li dak li qed isir hu biex ikunu protetti l-anzjani. Mill-banda l-oħra, imma din ukoll qed tikkawża tbatija u rimors, kemm għalina u kemm għalihom”.

“Għaliex uliedi ma jiġux jarawni bħal qabel?”

Titkellem ma’ Inewsmalta, bint dwar ommha. Tbati minn kundizzjoni partikolari u ftit li xejn hi konxja ta’ dak li għaddej fil-pajjiż. “Jien ir-rimors li għandi hu dak li ommi mhix tifhem dak li għaddej fuq il-pandemija. Imma lilna dejjem tgħidilna għaliex mhux inmorru narawha bħal qabel. Nispjegalha. Dejjem nirrepeti l-istess, imma għalxejn. Taqsamli qalbi li qed tibqa’ taħseb li aħna mhux inmorru narawha bħal qabel. Jekk tiġi nieqsa, se nibqa’ b’dan il-ħsieb jiġri warajja għal ħajti kollha.”

Tisħaq li “kif tarani, tgħidli kif m’intomx tiġu? X’għamiltilkom?’. Din taqsamli qalbi,” saħqet il-bint. 

Sport