Sunday, December 22, 2024

“Kesaħ” meta ra min kien qed jisraq ‘il ommu minn camera li waħħal f’kamritha

Aqra wkoll

Iben anzjana ta’ 85 sena residenti f’dar tal-anzjani rrakkonta fil-Qorti kif huwa “kesaħ” meta rrealizza li r-raġel li kien inqabad jisraq oġġetti ta’ valur mingħand ommu kien l-istess persuna li dawwarhom mal-istess dar.

Iben il-vittma kien qed jixhed fil-proċeduri li għaddejjin kontra r-raġel ta’ 37 sena, li kien jaħdem bħala manager f’din ir-residenza tal-anzjani. Isem l-imputat u r-residenza fejn seħħew l-allegati serqiet mhux qed jixxandru fuq ordni tal-Qorti.

Omm ix-xhud kienet daħlet fir-residenza f’Awwissu tas-sena li għaddiet u xi xahar wara l-familja tagħha ddeċidew li jagħmlulha kexxun fil-kamra tagħha fejn hija setgħet iżżomm l-oġġetti ta’ valur, li dan seta’ jissakkar ukoll b’ċavetta.

Ftit taż-żmien wara, l-anzjana sabet li kellha ċurkett tad-deheb nieqes. Għall-ewwel, it-tfal tagħha ħasbu li ċ-ċurkett setgħet poġġietu xi mkien ieħor, “forsi f’xi but tal-ġakketta”.

Iżda f’Ottubru 2022, meta l-anzjana rritornat minn festin tal-magħmudija u dakinhar kienet ħalliet xi oġġetti ta’ valur tagħha barra l-kexxun, bdiet tilmenta li dawn ma setgħet issibhom imkien. Dawn l-oġġetti kienu ċurkett ieħor tad-deheb u brazzuletta tad-deheb.

F’April ta’ din is-sena, waqt li binha kien imsiefer, ommu bdiet tgħid li l-arloġġ tad-deheb tagħha u ċurkett ieħor kienu għebu. Meta rritorna lura mis-safar, ix-xhud u ż-żewġ ħutu l-oħra kienu għenu lil ommhom tfittex dawn l-oġġetti iżda kien kollu għalxejn.

Kien għalhekk li rrapportaw b’dan lill-maniġment tar-residenza. Is-sajf li għadda, il-vittma kienet żelqet u sofriet ksur f’ġenbha. Hija għamlet madwar sitt ġimgħat l-Isptar u meta rritornat lura, uliedha kienu tawha sett tal-perli biex iżżommhom fil-kexxun.

F’Ġunju li għadda, binha ddeċieda li jinstalla CCTV camera fil-kamra ta’ ommu. Dan kien sar bil-permess tal-maniġment. Fil-25 t’Ottubru, meta x-xhud mar ħdejn ommu biex joħroġha, din qaltlu li reġgħu kienu sparixxew aktar oġġetti minn tagħha.

Huwa ddeċieda li jara l-filmati tas-CCTV u “kesaħ” wara li dak li kien ra. Erba’ filmati meħuda l-ġurnata ta’ qabel kienu wrew raġel dieħel fil-kamra ta’ ommu u beda jipprova jiftaħ il-kexxun ta’ ommu iżda ma rnexxilux. Dan ir-raġel eventwalment irnexxielu jiftaħ il-kexxun u jieħu l-oġġetti li dehru “jleqqu” fil-filmati. 

Ix-xhud qal li rrikonoxxa min kien dan il-persuna li deher fil-filmati, li kien l-istess raġel li dawwarhom mad-dar. Filmati oħra wrew lill-istess persuna jipprova jiftaħ il-kexxun fl-20 ta’ Ottubru u jagħmel attentat ieħor jumejn wara. 

Fil-Qorti ntqal li b’kollox kienu nserqu 11-il oġġett ta’ valur. Minn dawn, ħamsa biss ġew irkuprati. Ix-xhud qal li wara li raw dawn il-filmati, kien sar rapport fl-Għassa ta’ Birkirkara. 

Id-Direttur ta’ din ir-residenza xehdet quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, fejn qalet li l-imputat kien ilu jaħdem magħhom sa minn Novembru tal-2020. Hija rrakkontat episodji differenti li kienu seħħew fl-aħħar xhur f’din id-dar, fejn il-vittmi kienu tliet anzjani, inkluż omm ix-xhud preċedenti.

Waħda mir-residenti kienet sostniet li nsterqilha l-arloġġ tad-deheb tagħha u madwar €20,000 fi flus kontanti. Koppja oħra rrapportaw li sabu mal-€1,000 nieqsa filwaqt li residenta oħra kienet qalet li l-arloġġ tagħha wkoll ġie misruq.

Il-każ ikompli.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Brandon Bonnici mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Joseph Mercieca, Clayton Camilleri u Joseph Mallia.

L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għall-imputat.

Ekonomija

Sport