Thursday, September 4, 2025

“Kieku ma kienx għal Dun Anġ forsi kont ngħix f’karozza” … Il-vjaġġ ta’ Mario Suda – minn telfa kbira għal familja ġdida ma’ Fondazzjoni Nazareth

Mario: Raġel b’qalb kbira li sab familja ġdida ma’ Fondazzjoni Nazareth

Aqra wkoll

Meta wieħed jiltaqa’ ma’ Mario Suda, mill-ewwel jinduna li għandu quddiemu bniedem b’karattru kwiet u b’qalb sensittiva. Iżda wara din il-kwietezza hemm storja ta’ sfidi kbar li l-ħajja ġabet fuqu sa minn ċkunitu.

Mario twieled l-Awstralja u kien l-uniku wild tal-familja tiegħu. Ħajja li setgħet kienet mimlija bl-imħabba tal-ġenituri spiċċat tinbidel għal kollox meta, fi żmien qasir ħafna, tilef kemm lil ommu kif ukoll lil missieru. Din kienet daqqa kbira li zgur li tħalli marka fuq kull min jgħaddi minnha, aħseb u ara fuq żagħżugħ li kien għadu qed ifittex it-triq tiegħu fil-ħajja. Hu stess jgħid b’sinċerità kbira “li kieku ma kienx għal Dun Anġ, min jaf x’seta’ kien jiġri minni – forsi anki kont nispicca nghix f’karozza”.

U minkejja dan kollu, Mario baqa’ dejjem bniedem li jħares lejn il-ħajja b’umiltà u b’sens ta’ kura għall-oħrajn. Huwa magħruf fost dawk ta’ madwaru bħala persuna li jaħseb f’kulħadd u jinkwieta ħafna meta jisma’ li xi ħadd qiegħed jgħaddi minn xi tbatija. Dan jgħid ħafna dwaru: bniedem li minkejja li hu stess għadda minn niket u telfa wara l-ohra, għadu kapaċi jferrex l-imhabba u s-solidarjetà.

Mario għandu wkoll passjonijiet li jagħtuh ferħ. Huwa jsegwi b’attenzjoni l-aħbarijiet ta’ kuljum biex jibqa’ infurmat b’dak li jiġri fid-dinja, u għandu interess kbir fil-futbol – kemm dak lokali kif ukoll dak internazzjonali. It-tim tal-qalb tiegħu hu dak ta’ Tas-Sliema, il-post fejn kien jgħix wara li rritorna minn l-Awstralja. Il-futbol, għalih, mhuwiex biss logħba iżda mezz kif iżomm ruħu marbut ma’ memorji u postijiet li jagħtuh serħan.

Ftit żmien ilu tilef ukoll lill-unjku ħabib tiegħu, raġel li kien jċemplilu ta’ sikwit u jmur jarah. Din kienet telfa oħra għal Mario, iżda fl-istess waqt żammitlu f’qalbu l-importanza ta’ relazzjonijiet sinċieri. Illum, fil-Fondazzjoni Nazareth, Mario sab post fejn għandu komunità li tassew tappoġġjah u thobbu. Għandu ma’ min jitkellem, ma’ min jiftaħ qalbu, u fuq kollox iħossu parti minn familja.

Fil-Fondazzjoni hu jħobb jieħu sehem b’entużjażmu fil-ħafna attivitajiet organizzati għar-residenti. Waħda mill-aktar esperjenzi li japprezza hija s-sezzjonijiet tal-programm “Arti fil-Komunità”, li huwa proġett iehor  importanti. Permezz tal-arti, Mario mhux biss juri l-kreattività tiegħu iżda wkoll isib mezz kif jesprimi l-emozzjonijiet li forsi bil-kliem mhux dejjem faċli li jghidhom.

Il-ħajja ta’ Mario hija xhieda ta’ kemm bniedem jgħaddi minn tbatija kbira u xorta jibqa’ jħares ’il quddiem b’tama. Filwaqt li tilef mill-qraba tiegħu, illum sab komunità ġdida li tħaddnu u tappoġġjah. U dan jagħmel lil Mario mhux biss persuna speċjali għal min jafu, iżda wkoll eżempju ta’ kuraġġ, umiltà u qalb kbira.

L-opra ta’ Dun Anġ hija teżor li ma jistax jintilef. Illum, aktar minn qatt qabel, tinħtieġ li tkompli tissaħħaħ bis-saħħa ta’ kulħadd.  Hemm aktar persuni bhal Mario li jinhtiegu l-imhabba.  Il-poplu Malti u Għawdxi dejjem wera li għandu qalb kbira u ġeneruża,  u nemmnu li hekk ikun ukoll nhar il-Ħadd, 7 ta’ Settembru. Ejja ngħaqdu flimkien, fl-okkażjoni tal-Maratona b’risq il-Fondazzjoni Nazareth, biex inkomplu din l-opra ta’ mħabba u solidarjetà.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport