Jazmin Jones, Ingliża ta’ 27 sena, oħt April Jones — l-istudenta li nqatlet 10 snin ilu f’Wales — f’intervista għal dokumentarju spjegat l-uġigħ emozzjonali li għadha għaddejja minnu minkejja li għaddew is-snin.
Lura fl-2012, April li kien għad kellha biss ħames snin inħatfet minn Mark Bridger waqt li kienet qed tilgħab ma’ sħabha viċin id-dar tagħha f’Machynlleth. Minkejja t-tfittxijiet li saru, il-katavru taċ-ċkejkna qatt ma nstab.
“Meta sparixxiet oħti kienet qisha spiċċat id-dinja; f’ħakka t’għajn il-familja tagħna ma baqgħetx dik li kienet,” stqarret Jazmin. Hija tkompli tgħid li minkejja li llum il-ġurnata s-sitwazzjoni hija aħjar milli kienet dak iż-żmien, minn dak il-mument li seħħet din id-diżgrazzja, hija spiċċat mingħajr omm ukoll: “Tlift lil oħti u lil ommi f’temp ta’ ftit ħin”. Għaldaqstant, Jazmin tispjega li kellha tikber wisq malajr għaliex minn dak il-mument kellha tibda tfendi għal rasha filwaqt li tieħu ħsieb lil ħuha — li kellu 10 snin dak iż-żmien — u tgħin lil missierha.
Jazmin żvelat ukoll li Bridger kien bagħatilha talba ta’ ħbiberija fuq Facebook qabel ma ħataf lil April. Id-detektivs saħansitra sabu xi ritratti li kellu Bridger taż-żewġ aħwa.
“Nixtieq nemmen li oħti kienet fil-post il-ħażin u fil-ħin il-ħażin … Kieku nista’ ilni li ħadt postha biex hi tkun tista’ tibqa’ tgħix minfloki”.
Wieħed mill-ikbar episodji ta’ qsim il-qalb li ġarrbet Jazmin minn dak il-jum tal-qtil t’oħtha huwa li kellha tibqa’ torqod fl-istess kamra li kienu jorqdu fiha huma t-tnejn meta kienet għadha ħajja April.