Saturday, October 26, 2024

“Kien determinat jiġġieled il-kanċer sal-aħħar kif verament għamel”

Jingħata l-aħħar tislima Robert Arrigo

Aqra wkoll

Folla kbira ta’ nies inġabru fil-Knisja ta’ San Ġiljan biex dalgħodu jagħtu l-aħħar tislima lid-deputat parlamentari Robert Arrigo. Arrigo tilef il-battalja mal-kanċer fit-18 ta’ Ottubru fl-età ta’ 67 sena.

Fost dawk kollha preżenti spikkat l-għaqda bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Fl-omelija tiegħu l-eks Kappillan ta’ San Ġiljan Fr Claude Portelli ddeskirva lil Arrigo bħala bniedem umli li dejjem kont issibu hemm biex jgħin lil kull min kien ikollu bżonn. 

Portelli qal li Robert ma għamel xejn straordinarju, iżda bil-mod ordinarju tiegħu qatt ma ħares lejn l-uċuħ iżda lejn il-qalb tal-bniedem. Huwa fakkar li Arrigo kien jattendi għal diversi funerali u meta Portelli kien jistaqsih kif reġa’ hemm, huwa kien iwieġbu li kien id-dover tiegħu. 

Meta fil-25 ta’ Ġunju li għadda qallu li kien żviluppalu l-kanċer, Arrigo qallu li madanakollu huwa kien se jiġġieled sal-aħħar kif fil-verità għamel.

Minbarra li serva għal snin twal bħala deputat huwa serva wkoll bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Arrigo għamel ukoll żmien twil President tal-klabb tal-futbol Sliema Wanderers fejn jibqa’ mfakkar għar-rebħ ta’ xejn inqas minn 15-il titlu matul dan il-perjodu.

Sport