Friday, November 15, 2024

“Kien hemm bżonn xi ħadd li kellu jagħti xokk lis-sistema”

- l-eks Sindku tax-Xagħra Dr Christian Zammit

Aqra wkoll

Hekk kif Dr Christian Zammit ħabbar li kien qed jirriżenja minn Sindku tax-Xagħra u anke minn President tal-Kumitat Reġjonali Laburista Għawdxi, l-għajdut għaliex kien irriżenja ma waqafx. L-aktar minħabba li Zammit fi tmiem tal-messaġġ tiegħu ta’ riżenja kien kiteb “tolgo il disturbo”.

F’messaġġ li tella’ fuq il-profil tiegħu fuq il-midja soċjal kiteb fejn qal li kellu jtella’ għaliex wasal biex irriżenja mill-kariga… “inkella se nintilfu fi stejjer iffabbrikati, jew f’interpretazzjonijiet żbaljati ta’ x’inhi l-frażi “tolgo il disturbo”.

Hu sostna li xi ħadd, x’imkien kellu bżonn jagħti xokk lis-sistema kif inhi bħalissa. “Le, ma tlaqtx għax qomt filgħodu u ddeċidejt li nitlaq. Ilni diversi snin niddikjara li s-sistema hija marida. U għidt dan għax il-politika qiegħda hemm biex tgħin lil kulħadd, imma mhix hemm biex issir prostituta tal-big business,” tenna Dr Zammit.

Ta’ min isemmi li fl-aħħar ġimgħat Christian Zammit kien ippropona tibdil tas-sistema kif wieħed joħroġ bil-karozza. Hu kien ippropona jiem alternattivi ta’ sewqan u minħabba din il-proposta li rċieva diversi nsulti kemm b’mod personali u anke fuq il-midja soċjali.

Fl-istess messaġġ hu għamel diversi mistoqsijiet li skont hu dawn diġa kien għamilhom kemm-il darba fil-pubbliku. Fost l-oħra hu staqsa għaliex “bħala pajjiż ma nindirizzawx verament ir-rabtiet bejn il-politika u l-big business? Is-sistema politika tagħna qed tippermetti ħasil tal-flus fuq skala mifruxa? X’inhuma l-fondi li jdawwru s-settur tal-proprjetà, illi jinsab mingħajr kontroll? Minn fejn iż-żewġ partijiet jakkwistaw il-finanzi tagħhom?

Min jiffinanzja l-kandidati u l-kampanji tagħhom? Jien miġnun biex nistqarr l-ovvju? Għaliex din l-omerta’ kollha? “

Kompla jistaqsi għaliex iż-żewġ partit huma ostaġġi tas-sistema marida ta’ klijenteliżmu? Staqsa wkoll kif eluf ta’ votanti huma mxabba’ miż-żewġ partit u jridu li t-tielet partit iqum u jheżżeż is-sistema elettorali…

L-eks Sindku tax-Xagħra qal li minn meta rriżenja kien hemm min qal li hu tradixxa lix-Xagħra jew lix-Xagħrin. Pero għal dan Dr Zammit sostna li hu seta’ baqa’ hemm idaħħal €700 fix-xahar f’onorarja ta’ Sindku li għal xi ħadd bħalu li għandu paga normali kienu jkunu żejda.

Tenna li ma kellux joqgħod hemm meta fir-realtà kien bħal saħħa… “Mhux it-theddid, l-insulti u l-gemgem ta’ kuljum li jdejjquni. Huwa s-sentiment li tkun kompletament waħdek u bla saħħa. “

Meta ġie biex jitkellemu dwar it-twemmin politiku tiegħu, konxju mill-fatt li ħafna bdew jgħidu li qiegħed jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista l-eks Sindku sostna li “Sirt Nazzjonalist? Il-PN hu bla tmun, maqful f’morsa ta’ djun u obbligazzjonijiet, u mili ‘l bogħod mill-valuri liberali tiegħi.”

Imbgħad dwar kliem ieħor li hu kien itradixxa lil Partit Laburista, Dr Zammit qal li “le.Anzi. Nispera li kont eye-opener u l-affarijiet li jridu jinbidlu, jinbidlu b’dal-pass li ħadt.”

Hu temm il-messaġġ tiegħu billi qal li “kelli bżonn noħroġ minn hemm, u nagħti forsi skoss, biex nixpruna lin-nies ‘il barra mis-skiet tagħhom.”

Ekonomija

Sport