Monday, December 23, 2024

Kien hemm skop għar-raba’ wieħed?

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa reġa’ kien hemm taqtigħa bejn tnejn għal liema film jokkupa l-quċċata tal-box office Amerikana. “The Nun II” għadda bi ftit “A Haunting In Venice”, il-film ġdid ta’ Kenneth Branagh fil-parti ta’ Hercule Poirot.

L-opening weekend ta’ “A Haunting In Venice” kien ftit aħjar mill-film preċedenti ta’ Branagh bħala Poirot, “Death on the Nile” li ħareġ is-sena l-oħra. Dan minkejja l-budġit tal-film ġdid hu ta’ $60 miljun ipparagunat mad-$90 miljun li ntefqu fuq “Death on the Nile”.

Mill-pajjiżi l-oħra fejn ħareġ għall-wiri, id-dħul għal din l-avventura tad-detektiv Poirot kien ta’ $22.7 miljun.

Fit-tliet postijiet fuq nett tal-box office Amerikana kienu okkupati minn: “Equalizer 3”, “My Big Fat Greek Wedding 3” u fil-ħames post “Barbie”. Dan ta’ l-aħħar issa ilu disa’ ġimgħat mal-aqwa ħamsa.

Expend4bles

Tul il-karriera tiegħu, Sylvester Stallone qatt ma tgħallem punt kardinali fil-films: dik li ma jafx meta għandu jieqaf jisfrutta karattru li jintlaqa’ mill-pubbliku u jkollu suċċess fil-box office. Ġralu b’Rocky u b’Rambo. Baqa’ dejjem joħloq sequel wara l-ieħor minkejja li ma kellu xejn ġdid xi jgħid.

Hekk qed jerġa jiġrilu b’“Expend4bles”. Bejn l-2010 u l-2014, ħadem tlieta. Issa għandna r-raba’ wieħed wara 9 snin. Filli jgħid li dan ser ikun l-aħħar wieħed f’din il-franchise; bnadi oħra qed jgħid li b’dan jagħti bidu għal triloġija ġdida.

Sylvester Stallone reġa’ ġabar madwaru wħud mill-atturi li xi darba jew oħra ħadem magħhom u huma magħrufa għall-azzjoni. Ewlieni hu Jason Statham li hu l-ħames film li qed jaħdem ma’ Stallone. Daħħal ukoll atturi ġodda f’din is-saga, fosthom Megan Fox. Nieqsa imma l-atturi li għandhom ħafna ammiraturi u li xi darba jew oħra dehru f’partijiet cameo f’din il-franchise bħal: Arnold Schwarzenegger, Bruce Willis, Jet Li, Mel Gibson, Harrison Ford, Jean-Claude Van.

Damme, Wesley Snipes u Mickey Rourke

Barney Ross (Stallone), jiġbor grupp ta’ merċinarji, armati bl-aktar armi sofistikati biex jeħduha kontra traffikant ewlieni tal-armi li minbarra hekk, dan it-traffikant imexxi armata privata enormi. Ma tridx tkun għaref biex tintebaħ mil-liema storja fl-aħbarijiet riċenti ħadu din l-idea.

Id-direttur hu Scott Waugh. Il-fatt li Waugh beda l-karriera tiegħu bħala stunt- coordinator juri biċ-ċar għala l-film hu vetrina ta’ stunts.

Filwaqt li l-ewwel tliet kienu jiżviluppaw madwar il-karattru li jinterprita Sylvester Stallone, din id-darba mhux daqstant fiċ-ċentru tal-azzjoni. Stallone llum għandu 77 sena u wieħed jifhem li m’għadux jiflaħ għall-istrapazz ta’ film bħal dan. Madankollu mhux attur li jaqta’ qalbu. Beħsiebu jerġa jaħdem it-thriller “Cliffhanger” li kien ħareġ 40 sena u fil-fehma tiegħi kien wieħed mill-aħjar films tiegħu. Back-to-back irid jaħdem sequel għalih.

Sadanittant, fit-3 ta’ Novembru jiddebutta d-dokumentarju “Sly” li jagħti ħarsa lejn il-karriera ta’ 50 sena li għandu Sylvester Stallone. Fil-bidu tat-trailer għal dan id-dokumentarju, Stallone jistaqsi ““Do I have regrets?” Hell yeah, I have regrets.” Nistennew u naraw x’inhuma d-dispjaċiri li għandu.

“Expend4bles” hu kklassifikat 15 minħabba ix-xeni ta’ vjolenza, dmija, lingwaġġ u referenzi għas-sess.

Love At First Sight

Għaxar snin ilu, kien ħareġ ir-rumanz ‘The Statistical Probability of Love at First Sight’ miktub minn Jennifer E. Smith. Din l-istorja, wieħed issa jista’ jarha bħala film maħdum minn Vanessa Caswill permezz tal-film romantiku “Love At First Sight”.

Haley Lu Richardson u Ben Hardy għandhom il-partijiet taż-żgħażagħ Hadley u Oliver. Kompletament stranġieri għal xulxin, huma jiltaqgħu fuq it-titjira nternazzjonali min-New York għal London. Jieħdu grazzja ma’ xulxin.

Hadley tkun sejra tattendi tieġ kontra qalbha. Oliver ikun destinat li jattendi avveniment organizzat mill-familja tiegħu fejn il-ġenituri ikunu ammiraturi ta’ Shakespeare.

Malli jaslu Londra, Oliver jagħtiha n-numru tiegħu tat-telefon imma fil-konfużjoni li jkunu hemm fis-sala tal-wasla, Hadley jaqalha t-telefon u titlef in-numru. Kif ser jagħmlu biex jerġgħu jiltaqgħu?

In-narratriċi tgħidilna li din l-istorja mhix dwar imħabba. Din hi storja dwar destin. Jew statistika. Jiddependi l-perspettiva tal-persuna. Punt validu.

“Love At First Sight” ma fihx xi reċtar straordinarju imma bil-mod umli li bih jiżviluppaw il-partijiet, kemm Haley Lu Richardson kif ukoll Ben Hardy jagħmlu dan il-film romantiku passabbli.

“Love At First Sight” hu kklassifikat 12A minħabba xi lingwaġġ.

Ekonomija

Sport