Sunday, November 24, 2024

“Kien kompletament konxju tal-azzjonijiet tiegħu” – Psikjatra li eżamina lil Salvu Dalli

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Salvu Dalli, ir-raġel akkużat bil-qtil ta’ ibnu, kien kompletament konxju tal-azzjonijiet tiegħu u jinsab fi stat tajjeb biex jgħaddi ġuri. Dan ikkonfermah il-psikjatra li tqabbad mill-Qorti biex jeżamina s-saħħa mentali tal-akkużat.

Salvu Dalli ta’ 68 sena jinsab akkużat li spara u qatel lil ibnu Antoine ta’ 37 sena kiesaħ u biered fis-7 ta’ Awwissu li għadda fir-residenza tiegħu f’Ħal Għaxaq. Antoine instab mejjet fil-kamra tal-banju b’tir fl-istonku.

Il-Psikjatra George Debono nforma lill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia li għalkemm ma kienx miegħu fil-ħin tal-isparatura, mill-esperjenza tiegħu u minn dak li qallu l-akkużat waqt l-eżami, huwa seta’ jikkonkludi li Dalli kien f’sensieh waqt il-kummissjoni tar-reat.

Debono qal li Dalli kien qed jirċievi kura minħaba d-dipressjoni u l-ansjetà, probabbilment minħabba r-relazzjoni diffiċli li kellu ma’ wieħed minn uliedu. 

Fis-seduti preċedenti, il-Qorti semgħet kif il-missier kien ippreżenta diversi rapporti lill-Pulizija fejn sostna li kien ġie aggredit u mhedded minn ibnu u saħansitra semma dan mal-psikjatra.

“Kif kien l-istat mentali tiegħu f’dak il-mument partikolari huwa diffiċli li jingħad imma minn kif irrakkonta l-avveniment, ma kienx miġnun. Qalli li kien fis-sodda meta sema’ l-iben jagħti daqqa ta’ sieq mal-bieb ta’ barra u semgħu jiġri fit-taraġ jgħid ‘jien se noqtlok’. Huwa kien beżgħan. Qalli li qatt ma ried joqtlu wara li ħa ħsiebu u ż-żewġt itfal l-oħra tiegħu għal ħajjithom kollha imma beża’ għal ħajtu,” xehed Debono fil-Qorti.

Mistoqsi mill-Qorti jekk Dalli huwiex tajjeb biex jgħaddi ġuri, x-xhud wieġeb fl-affermattiv filwaqt li nsista li l-akkużat kien jaf x’qiegħed jagħmel u kien jaf il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu.

Minkejja l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni u l-avukati parte civile, il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża biex taħtar tabib biex jeżamina lill-klijent tagħhom fiżikament. Dalli fil-fatt jimxi bl-użu ta’ bastun.

Fi tmiem is-seduta, il-Qorti ddeċidiet li kien hemm biżżejjed evidenza biex Dalli jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Roderick Attard. Għall-akkużat dehru l-Avukati Lennox Vella u Marisa Mifsud. L-Avukati Amadeus Cachia u Francesca Zarb dehru parte civile għall-familjari tal-vittma.

Sport