Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn meta kont żgħir minn dejjem nilgħab bil-ballun , karozzi u ġugarelli ma kinux jeżistu għalija . Meta jasal birthday jew Milied dejjem nixtieq ballun ġdid Jew żarbun tal-futbol. Ta’ tifel li kont immur fejn immur dejjem irrid noħroġ b’gear tal-futbol .
Ta’ tliet snin kont bdejt man-nursery ta’ Birkirkara u ta’ 10 snin ingħaqadt ma’ Luxol fejn hemm sibt grupp ta’ amministrazzjoni li kienet temmen fija u tatni ħafna opportunitajiet.
Fl-etá ta’ 20 Sena minħabba raġunijiet ta’ xogħol iddeċidejt li nieqaf mill-futbol u nieħu l-opportunitá li kienet offrietli l-kumpanijja li naħdem magħha.
Peró, madankollu qatt ma qtajt kompletament … bqajt nilgħab 5-a-sides – għax il-futbol bqajt inħobbu. Minn dak iż-żmien kelli żewġt itfal – tifla Martina u tifel Miguel.
Sena ilu kont dħalt l-isptar b’attakk tal-asthma u għamilt perjodu żgħir l-ITU … hemmhekk kont inqatta’ ħafna ħin waħdi u kont nara ħafna ritratti ta’ meta kont nilgħab il-futbol. Kont ngħid lili nnifsi kif jista’ jkun filli kont niflaħ niġri logħba sħiħa u llum qed inbati biex nieħu nifs!
Wara li ħriġt kont bqajt naħseb fuqha. Dejjem ħassejt li xi darba nista’ nirritorna għax nemmen li kelli xi ħaġa mhux mitmuma f’ħajti. U l-istaġun li għadda, ħadt id-deċiżjoni li nirritorna fil-futbol wara xejn inqas minn seba’ snin.
X’tikkummenta fuq l-aħħar staġun ta’ St Andrews, fejn irnexxielkom issalvaw proprju fid-decider b’rebħa minima ta’ 1-0 fuq Luqa St Andrews wara l-ħin barrani?
Kif jaf kulħadd, kellna bidu negattiv. Fl-ewwel rawnd kellna biss ħames punti, inbidlu tliet kowċis u ma stajniex insibu saqajna mal-art … konna fl-aħħar post fil klassifika .
Il-kumitat flimkien mal-president f’Jannar ħadmu ħafna biex ma niġux relegati. Għamlu akkwisti tajbin li taw fiduċja lilna l-plejers li t-tim kien tabilħaqq se jissaħħaħ biex ma niġux relegati.
Rebħa ta’ 1-0 kontra Pietá Hotspurs b’gowl fl-aħħar minuti tal-partita kien il-mument fejn hemm kulħadd beda jemmen li t-tim issaħħaħ u nistgħu nikompetu kontra kull team fic challenge league.
Kienu 11 l-partita mhux megħluba li wassluna biex nilagħbu d-decider kontra Luqa St Andrews fejn irbaħna b’gowl fil-118-il minuta u ġejna salvi mir-relegazzjoni.
Kien mument li żgur li se nibqa’ dejjem nifakar fejn għamilna l-impossibli, possibli!
Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fiċ-Challenge League?
Prattikament it-timijiet ikunu viċin xulxin bħala livell u r-riżultati juru dan, naturalment ikun hemm timijiet iktar b’saħħithom li jkunu jidhru mill- bidu tal-kampjonat.
Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?
Jiena nemmen li barranin tajbin qed ikun hawn. Naħseb li barranin tajbin jagħmlu d-differenza f’tim.
Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tac-Challenge League?
Bħala grawnds nemmen li għandu jkun hemm titjib u l-istadia li nilagħbu fihom għandhom ikunu fl-istess kundizzjoni tas-Centenary Stadium .
X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fiċ-Challenge League?
Nemmen li kellhom kontroll tajjeb u dejjem qed jitjiebu fil-livell.
Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xoghol tieghek u mal-futbol?
Meta tkun futboler part-time, naturalment huwa iktar difficli biex tlaħħaq mal-futbol, xogħol u familja peró dejjem nippjana l-ġurnata u nara li jkolli bilanċ u ħin għal kollox.
Kif qed thares lejn il-futur tieghek fil-futbol?
Il-futur tiegħi fil-futbol huwa l-prijoritá tiegħi bħalissa. Irritornajt fil-futbol biex nirbaħ l-unuri u nerġa’ nilgħab fl-ogħla diviżjoni.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.
Ikunu kemm ikunu diffiċli l-mumenti, qatt m’għandek taqta’ qalbek! Mumenti diffiċli huma dawk li jkabbruk u jagħmluk persuna aħjar meta tegħlibhom!