Demi Mock ġiet inkurunata bħala Miss International Malta 2025, titlu li mhux biss jirrappreżenta r-rebħ personali tagħha, iżda wkoll ir-ritorn ta’ Malta fil-kompetizzjoni internazzjonali wara aktar minn 22 sena.
Il-mudella ta’ 22 sena, oriġinarjament mill-Mosta, iżda bl-għeruq familjari minn San Ġiljan, qalet li l-esperjenza kienet għalija “mument surreali, ħassejtni f’ħolma, kont qed nistenna u naħdem għalih, ħassejt li x-xogħol li għamilt kien qed jiġi rikonoxxut.” Dan stqarritu waqt intervista li din il-gazzetta kellha magħha.

Demi spjegat kif il-karriera tagħha fl-immudellar bdiet b’mod mhux mistenni: “Kienet qed tikkompeti kuġina tiegħi f’konkors tal-immudellar. Wara li ġiet it-tieni, ħajritni biex nipparteċipa. Dak il-mument għenni nikber u nimatura bħala mudella, u bdejt ngħożż il-palk u l-preżenza fuq il-pjattaforma.”
“F’dak iż-żmien kollox bdejt nara sabiħ speċjalment il-palk, il-konkors innifsu u anke l-konkorrenti li saru ħbieb tiegħi.”
Hi enfasizzat kemm kienet importanti għaliha li titgħallem li tkun sabiħa minn ġewwa u minn barra, u kif il-parir l-ikbar li tagħti lit-tfajliet huwa li “qatt m’għandek tħossok li int xi ħaġa, anzi għandek tkun l-aħjar tiegħek innifsek, ma taqtax qalbek u tibqa’ determinata, b’qalb, imħabba u fiduċja li ġġorr fik.”
Il-parteċipazzjoni ta’ Demi Mock f’Miss International f’Tokyo fil-Ġappun f’Novembru li ġej se tirrappreżenta l-ewwel darba lil Malta wara l-aħħar dehra fl-2003. Demi qalet li huwa onur kbir li “qed inġib lil Malta lura fix-xena internazzjonali wara aktar minn 20 sena,” u li tinsab ippreparata biex turi kemm il-kultura kif ukoll is-sbuħija u l-potenzjal li jirrappreżenta pajjiż żgħir b’potenzjal kbir.

Matul il-karriera tagħha, Demi kellha suċċessi notevoli fil-konkors lokali u internazzjonali. F’2022 kklassifikat fis-seba’ post fil-Miss Malta, u fl-2023 ingħata post fl-ewwel ħamsa fil-Miss Supranational. F’Jannar ta’ din is-sena, Demi Mock rebħet ir-raba’ titlu tiegħu bħala first runner-up fil-Miss Republic of Malta, u f’kull konkors li ħadet sehem fih kienet qed tirrappreżenta il-lokalità tal-Għargħur. Il-konsistenza u d-dedikazzjoni tagħha wrew kemm hi determinata li tkompli tgħolli l-istandard fil-qasam tal-immudellar u l-kompetizzjonijiet tar-raħal li tirrappreżenta u l-pajjiż kollu.
Fid-diskors tagħha wara r-rebħa ta’ Miss International Malta, Demi riflettiet fuq il-ħajja personali u l-appoġġ li kienet dejjem rċeviet: “Grazzi lill-familja tiegħi, lill-għarus tiegħi u lill-familja tiegħu li emmnu fija qabel ma jien emmint fija nnifsi. Grazzi speċjali lill-organizzazzjoni ta’ Miss Malta li għenuni nħossni mudella aħjar illum u lit-tim tiegħi inkredibbli għall-appoġġ kontinwu u l-fiduċja.” Hi semmiet ukoll il-kompetituri tagħha: “Nirringrazzjahom ukoll, speċjalment il-Miss Malta Top 5 girls, li kienu ta’ spalla enormi u sors ta’ saħħa matul il-kompetizzjoni kollha.”
Demi spjegat kif il-ħiliet u l-esperjenzi li kisbet matul dawn is-snin għenuha tinbena bħala persuna u mudella: “Kull sfida li kelli f’dawn l-aħħar snin ħassejtni grata lejn min appoġġjani u se nibqa’ ngħożż kull opportunità. Bit-titlu, qed inħossni onorata, mhux biss għalija nnifsi, iżda għax qed ntella’ lil Malta fil-mappa tad-dinja.”
Hi tkellmet ukoll dwar il-prinċipji li se tmur magħhom fil-kompetizzjoni internazzjonali li se tieħu sehem fiha: “L-iktar parir li nagħti lit-tfajliet huwa li jkunu kunfidenti, awtentiċi mhux artifiċjali, u jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom. Dak li għandek f’qalbek huwa dak li jispira l-ħajja u jagħtik il-qawwa li tkompli timxi ’l quddiem.” Demi enfasizzat li s-sbuħija mhux biss tidher fuq barra, iżda wkoll fl-atteġġjament u l-karattru, u li kull mument fil-palk għandu jkun riflessjoni ta’ ħbiberija, rispett u dedikazzjoni.
Iżda x’inhuma l-valuri personali li dejjem tipprova tgħaddi lil ħaddieħor, speċjalment lit-tfajliet żgħar li jħarsu lejha bħala mudella u ispirazzjoni?”
“Naħseb li l-valuri l-aktar importanti huma kunfidenza, rispett, dedikazzjoni u ġenerożità. Dejjem nipprova nkun eżempju tajjeb, mhux biss fuq il-palk, iżda wkoll fil-ħajja ta’ kuljum. Nixtieq li tfajliet iżgħar jaraw li m’hemm l-ebda limitu meta taħdem b’imħabba u passjoni għal dak li tħobb, u li dejjem tkun awtentiku u leali lejn min int.
Dawn huma l-prinċipji li jmexxuni u li dejjem inħossni kbira li nista’ naqsamhom mal-oħrajn.”
Il-kompetizzjoni kienet organizzata minn Kersten u Shanice Borg , li Demi qalet li għandhom mertu kbir fil-proċess tagħha ta’ tkabbir u tagħlim: “L-organizzazzjoni kienet impekkabbli. Għenuni kemm f’għarfien tekniku ta’ immudellar kif ukoll f’dak personali.
Dan l-appoġġ ta’ snin sħaħ ġie rifless fil-mod kif nħossni llum.”
Meta mistoqsija dwar kif tara l-futur tagħha, Demi qalet: “Nixtieq inkompli nħaddem il-karriera tiegħi fl-industrija tal-immudellar. Kuljum irrid nagħmel xi ħaġa ġdida biex nibqa’ involuta u nkomplu nitgħallmu. Il-karriera tiegħi hija marbut ma’ passjoni vera u determinazzjoni li qatt ma tmut.”
Demi tkellmet ukoll dwar il-valur tal-konkors għall-iżvilupp personali tagħha: “Kull rebħa u kull esperjenza kienu opportunità biex nimmatura bħala mudella u bħala bniedem. Qatt ma ħassejt li kien biss dwar suċċess personali; kull pass li nieħu huwa mod kif nuri lill-pajjiż tiegħi u nirrappreżenta s-sbuħija, il-kultura u l-potenzjal ta’ Malta fuq skala globali.”
F’konklużjoni, Demi Mock qalet li l-esperjenza bħala Miss International Malta hija mument ta’ ġid personali u ta’ pajjiż: “Se nirrappreżenta lil Malta bi kburija, ħbiberija u dedikazzjoni. Se nġib miegħi mhux biss prestiġġju li se nieħdu sehem, iżda wkoll motivazzjoni kbira, fiduċja u determinazzjoni li nispira lil oħrajn. Dan it-titlu mhuwiex biss suċċess personali imma opportunità biex nibni pont bejn Malta u l-komunità internazzjonali tas-sbuħija u kultura.”
Demi Mock tidher bħal mudella kompletament tipika tal-ikona moderna ta’ potenzjal, dedikazzjoni u passjoni, u t-titlu tagħha bħala Miss International Malta 2025 mhux biss jagħti parir u se jispira tfajliet żgħar f’pajjiżna, iżda wkoll jiftaħ kapitlu ġdid għal Malta fix-xena internazzjonali tal-kompetizzjonijiet tas-sbuħija.