Monday, April 28, 2025

“Kien strument tal-paċi”-Il-Parlament b’tislima lil Papa Franġisku

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Parlament Malti sellem il-memorja tal-Papa Franġisku, li miet nhar il-21 t’April li għadda fl-età ta’ 88 sena.

Is-seduta parlamentari tal-lum kienet waħda iqsar minn tas-soltu u l-ewwel waħda wara l-btajjel tal-Għid. 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg iddeskriva lill-Papa Franġisku bħala strument tal-paċi, li ħalla marka u l-vuċi tiegħu se tibqa’ tinstema’ għaż-żmien li ġej.

Kien il-Papa li ġie wara ieħor li kien irriżenja. Papa fi żmien ta’ sfidi ġeopolitiċi anke fl-Ewropa fosthom bil-gwerra fl-Ukrajna. Mexxa l-Knisja Kattolika waqt pandemija li laqtet lid-dinja kollha.

“Papa li kien iċempel ta’ kuljum il-komunità Kattolika f’Gaża waqt il-gwerra li għaddejja minnha l-Lvant Nofsani. Kien juri kompassjoni u empatija liema bħalha,” kompla jgħid id-Deputat Prim Ministru. 

“Fuq kollox kien papa li mill-bidu tal-Pontifikat tiegħu ta sinjali ċari ta’ riformi u bidliet favur is-sewwa. Favur dak li hu ġust u favur il-batut. Kien il-vuċi ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, emarġinati, il-foqra u baqa’ fost dawn in-nies sal-aħħar jiem tal-Pontifikat tiegħu.”

Id-Deputat Prim Ministru fakkar ukoll fiż-żjara li kien għamel il-Papa Franġisku f’pajjiżna. Barra minn hekk, il-Papa jibqa’ mfakkar ukoll għall-bidliet li wettaq fejn tella ’l fuq, fuq l-aġenda dinjija, temi soċjali… minn dawk li jaffaċċjaw persuni LGBTIQ+ għal ħaddiema. 

Id-Deputat Prim Ministru f’isem il-Gvern Malti ta l-kondoljanzi lill-Istat tal-Vatikan filwaqt li awgura lis-suċċess futur tal-Papa Franġisku.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li Papa Franġisku kien Ġiżwita imma li għażel l-isem Franġisku. “Mill-ewwel wera d-direzzjoni ċara ta’ fejn ried jieħu lill-Knisja Katttolika. Knisja li tkun aktar sempliċi. Knisja li tkun aktar viċin il-fqir, l-emarġinat, il-minoranzi, dawk li fis-soċjetajiet varji jħossuhom minsija.”

Dr Grech qal ukoll li permezz tal-isem Franġisku, huwa ried jieħu l-Knisja b’messaġġ ċar favur l-ambjent u li l-bniedem mhuwiex biss magħmul mill-flus iżda wkoll minn dak li jinsab ġewwa fih u dak li jdawru. Tenna li kien Papa li ma kienx jitkellem bil-prietki imma kien jitkellem b’għemilu. 

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia ngħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Huwa semma kif meta kien iltaqa’ miegħu għall-ewwel darba, il-Papa Franġisku kien talbu jitlob għalih. Dr Farrugia saħaq li l-Papa ħalla marka bil-fatti u wera t-tama li s-suċċessur ta’ Papa Franġisku jimxi fuq il-passi tiegħu. 

Fl-aħħar tas-seduta ġiet osservata minuta silenzju b’turija ta’ rispett lejn il-Papa Franġisku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport