Thursday, December 26, 2024

“Kien vjolenti, jagħtiha fuq wiċċha, bil-ponn u anke jobżqilha”… ”berbaq flusu f’nisa u xalar”

… il-Qorti tgħid li kienet mara bilgħaqal għax darba, tnejn tlieta tat ċans lil żewġha biex issalva ż-żwieġ

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Qorti mara irrakkonta dak li kienet għaddejja minnu ma’ dak li kien ir-raġel tagħha, f’ħajja fejn dan wettaq adulterju diversi drabi, saħansitrra qabel iżżewġu. Fi kliema stess, kien vjolenti itiha fuq wiċċha, itiha bil-ponn u anke jobżilha. Għexet ħajja ta’ tensjoni u terrur, tant li l-ħaddiema soċjali kienu jmorru jkellmuha fuq il-post tax-xogħol għax żewġha kien isegwiha.  Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li l-unika ħaga li jirriżulta  hi li r-raġel kien persuna li jaf joqgħod tajjeb, għamel użu mill-bżulija tagħha biex jaħdem mill-inqas possibbli u ħalla r-responsabbiltà finanzjarja sħiħa taqa’ fuq spallejn il-mara waqt li hu berbaq il-ftit flus li kellu fuq n-nisa u x-xalar.

Il-mara fix-xhieda tagħha tgħid li kienu ilhom miżżewġin mis-16 t’April tas-sena 2000 u kienu iltaqgħu is-Sixth Form u bdew joħorġu flimkien f’Ġunju tas-sena 1990. Tgħid li r-raġel kien telaq mis-Sixth Form ftit qabel ma spiċċaw it-tieni sena peress li kien sab xogħol full-time, imma ma tantx kien dam jaħdem hemm. Tispjega illi kien hemm perjodi fejn ir-raġel kien mingħajr impjieg għal numru ta’ ġimgħat jew xhur. 

Tispjega li wara għaxar snin għerusija, il-partijiet kienu żżewgu u li hi dejjem tiftakar lir-raġel ibiddel ix-xogħol u dan peress li hu qatt ma ried xogħol f’uffiċċju. Tgħid li kien isib skuża għal kull xogħol. Tixhed li minkejja dan, hija dejjem kienet ta’ sapport għalih u permess tal-impjieg full-time tagħha u anke ġieli kienet tagħmel part-time, żammet lill-familja għaddejja. Iżżid li missierha kien baqa’ jagħtiha xi flus sakemm miet, filwaqt li l-ġenituri tar-raġel kienu wkoll jgħaddulhom xi flus fil-bidu.

Tgħid li fis-sena 2002  twieldet binthom u meta saret taf li kienet tqila, tirrileva illi r-raġel kien tilef l-impjieg tiegħu għal darb oħra. Meta kienet waslet lejn l-aħħar, ir-raġel kien sab xogħol ma’ Sales Company. 

Tixhed li tul l-ewwel snin bħala ġenituri, kienet hi  li kienet tagħmel tajjeb għall-ispejjeż, għalkemm kien hemm okkażjonijiet fejn l-intimat kien joħroġ xi ħaġa għal ċertu spejjeż. Tikkontendi li tul iż-żwieġ, ir-raġel kien ibiddel il-karozza ta’ spiss, u li filfatt sa ftit ilu kienet tkun hi li kienet tħallas l-assigurazzjoni tal-vetturi tiegħu u dana peress li mix-xogħol tagħha kienu jħalluha tħallas permezz ta’ pagament fix-xahar.

Tgħid li f’April tas-sena 2007, kellha l-ewwel suspett li r-raġel kien involut f’relazzjoni extra matrimonjali, u kienet ikkonfrontatu immedjatament. Hu kien ċaħad u kien wegħda li kien ser ikellem lil din il-mara biex tħallih bi kwietu. Din il-mara kienet taħdem bħala skrivana fl-iskola fejn ir-raġel kien qed jaħdem bħala LSA. F’Ottubru tas-sena 2009 ikkonfermat li kien għadu jiltaqa’ ma’ din il-mara. Ikkonfrontatu u kien f’dan l-istadju li r-raġel ammetta li kien ilu f’relazzjoni magħha għal tlett snin u li kien iħobbha. Ftit wara ir-raġel qalilha li kien telaqha u l-mara ssuġġeriet li jmorru counselling. 

Il-mara xehed li r-raġel kien gideb dwar l-ksur tar-relazzjoni ma’ dik il-mara, għax fi Frar tas-sena 2010, ir-raġel kien mar Sqallija magħha u ma’ grupp ta’ studenti u filfatt lanqas ried lilha tmur twasslu sal-ajruport. F’Marzu tas-sena 2010 kienet sabet diversi dikjarazzjonijiet fuq kompjuter li kienu jikkonfermaw li kellhom relazzjoni. Meta rat li sitwazzjoni ma kinitx se tinbidel, f’April tas-sena  2010 kienet bagħtet ittra lir-raġel tindika li riedet tibda proċeduri ta’ separazzjoni. Dakinhar li rċieva l-ittra, ir-raġel kien vjolenti u kien beda jheddidha u l-għada kienet għamlet rapport mal-Pulizija, meta kienet indunat li r-raġel kien qiegħed isegwiha. Tispjega li r-raġel kien informa lill-familjari tagħha li kienet hi li riedet tissepara u kien anke informa lill-missierha u lil zijuha anzjan b’dan kollu. Sussegwentement, wara li nduna bir-rapport mal-Pulizija, kien talabha biex taħfirlu u kien ikkonvinċiha tagħmel hekk peress li kien wegħdha li jmorru għal counselling. 

Ġara li ħabiba tagħha f’Awwissu tas-sena 2010  qaltilha li qabel ma kienu żżewwġu, jiġifieri sakemm kienu għarajjes, ir-raġel kellu relazzjoni ma’ din ħabibtha, liema relazzjoni kienet damet għaddejja għal xi snin. Tixhed li r-raġel kien ammetta kollox u kien qalilha li kienet din il-ħabiba li kienet ipprovokatu. 

F’Dicembru tas-sena 2010, l-affarijiet ta’ bejniethom kienu tjiebu kemmxejn, biss f’Jannar tas-sena 2011 kienet sabet mobile phone ieħor b’sensiela ta’ messaġġi. Fi Frar tas-sena 2011 hi  għamlet  kuntatt mal-Appogg u kienet tkellmet għall-ewwel darba ma’  ħaddiema soċjali. Tispjega li biex tkellimha, jew biex titkellem mal-avukat tagħha, kienet tkun esperjenza mimlija biża’ minħabba li kienet dejjem beżgħana li  r-raġel isir jaf u jkompli jikkawżalha aktar problemi, speċjalment peress li kienet qed tiġi kontinwament segwita minnu. 

Tgħid li f’Marzu tas-sena 2011 ir-raġel kien sakkarha barra u kien biss wara li marret oħtha tkellmu li fetħilha. Darba minnhom kien anke mar fuq il-post tax-xogħol sabiex ikellem lid-diretturi tal-mara bl-għan li jfarrak ir-reputazzjoni tagħha. 

Fix-xhur ta’ wara, hi tispjega li kien hemm diversi okkażjonijiet fejn ir-raġel kien jippersegwitaha, ma jħallihiex torqod bil-lejl u jgħajjarha. Kien jagħmel dan quddiem binthom biex idawwarha kontriha u kien jipprova jagħmiha bir-rigali. 

Meta ma felhitx iżjed, il-mara kienet iddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta’ medjazzjoni biex tasal għall-separazzjoni. Għal darb’oħra il-mara qalet li kien beda jinsisti magħha biex terġa’ tagħtih ċans u kienet ċediet peress li beżgħet li kienet ser titlef lil bintha. Minkejja dan, il-ħajja miżżewwġa ma nbidlitx, bir-raġel kien jixrob id-dar, jidħol u joħroġ mid-dar x’ħin irid u lanqas kien jiekol magħhom anke meta kienu joqogħdu jistennewh. F’dan l-istadju, it-tifla ma felħitx iżjed u kienet talbitha biex jitilqu u saħanistra bdiet tfittex appartamenti li setgħu jikru. 

Tirreferi għal episodju meta f’Ottubru tas-sena 2014 wara li hi u bintha kienu marru n-Notta Bianca, kienet irċeviet telefonata d-dar fejn xi ħadd ċempel biex jistaqsi għar-raġel. Meta l-mara qaltlu li mhux qiegħed id-dar din il-persuna wieġbet: “eh mela għadu ma’ l-oħra.” Minn wara dan l-episodju, hi iddeċidiet li ma ssajjarlux iktar. 

Fit-23 ta’ Jannar, 2015 kienet talbet lil partner t’oħtha, biex jakkumpanjaha tagħmel l-ghassa fuq ir-raġel u dan peress li hi kellha indikazzjoni li r-raġel kien qed jerġa’ joħroġ ma’ mara oħra. Filfatt kien ħalla lill-minuri waħidha d-dar biex ħareġ. Kienu segwewhom fejn marru jieklu ġo ristorrant iż-Żurrieq. 

Ħaddiema soċjali xehdet li l-mara. kienet għamlet kuntatt magħhom l-ewwel darba fit-2 ta’ Frar tas-sena 2011 meta bdiet tippanikkja li r-raġel tagħha kien ser jagħmel rapport lis-Sedqa fuqha peress li hu kien qieghed jallega li l-mara ma kinitx “a fit mother.” Ix-xhud tgħid li  l-marra kienet qaltilhom li żewgha  kien dominanti ħafna, abbużiv,  vjolenti u kien hemm drabi fejn kien jagħtiha fuq wiċċha jew jagħtiha bil-ponn u kien anke joqbżqilha. 

Tgħid li l-mara qaltilha li darba minnhom r-raġel kien beda jintimidaha u kien hemm inċident fejn beda jimbuttaha u biex tiddefendi ruħha kienet laqtitu u kien ħareġ id-demm minn imnieħru. Ir-raġel kien poġġa r-ritratti fuq Facebook u kienu ġew il-pulizija, iżda peress li nżertaw jafuhom, il-puliżija kienet ipprovat tikkalmahom u talbuhom biex jippruvaw jirranġaw l-affarijiet. 

Tgħid li kien taha x’tifhem li kien pogga l-kameras kullimkien biex ikun jaf x’inhi tagħmel.  

Il-Qorti tgħid li effettivament sa mill-gherusija ir-raġel kellu tlett relazzjonijiet ta’ tfajliet ohra, waħda minnhom damet tlett snin waqt li kien għarus ma’ dik li mbagħad kienet martu.

Il-Qorti ma tqisx li l-għażla tal-mara li għal darba, tnejn, tlieta twarrab l-infedeltà ta’ żewġa u terġa’ tagħti ċans ieħor lir-relazzjoni tagħhom, tissuġġerixxi u tikkunsidra li tattendi counselling, huwa aġir ta’ mara li ma tħobbx lil żewġha jew ta mara li riedet tagħmel vendikazzjoni lil żewġha sabiex ipatti għal dak li kien għamel. Il-Qorti qalet li l-fatt li l-attriċi fetħet qalbha mal-familja tar-raġel  u mhux mal-familja tagħha, tfittex l-għajnuna ta’ nies jew professjonisti,  tqis dan l-aġir bħala wieħed ta’ mara miżżewwġa, bilgħaqal ħafna u li tagħmel ħilitha biex issalva ż-żwieġ. 

Il-Qorti, waqt li tat is-separazzjoni, qalet li l-unika ħaġa li jirriżulta lil din il-Qorti, hi li r-raġel kien persuna li jaf joqgħod tajjeb, għamel uzu mill-bżulija tagħha biex jaħdem mill-inqas possibbli u ħalla r-responsabbiltà finanzjarja sħiħa taqa’ fuq spallejn il-mara waqt li hu berbaq il-ftit flus li kellu fuq n-nisa u x-xalar.  

Ekonomija

Sport