Sunday, December 22, 2024

“Kienet esperjenza tal-ġenn, ferm sabiħa u diffiċli biex ninsiha”- Sarah Bonnici

Aqra wkoll

Sarah Bonnici hi l-kantanta Maltija li ħadet sehem fil-Eurovision Song Contest tal-ġimgħa l-oħra li sar fil-belt Żvediża ta’ Malmo. B’xorti ħażina minkejja li kellha wirja mill-aqwa, il-kanzunetta tagħha Loop ma rnexxilhiex tagħmilha għall-finali tas-Sibt li għadda. 

Bonnici tat interpretazzjoni mill-aqwa apparti l-movimenti u l-leħen sabiħ tagħha li spikkaw fis-serata tal-Ħamis bil-kantanta Maltija li fetħet dan it-tieni avveniment.

Dan is-sit tkellem ma’ Sarah Bonnici fejn irrispondiet għall-mistoqsijiet tagħna.

Saqsejniha mal-ewwel dwar l-esperjenza li kellha f’Malmo fl-Iżvezja. 

“Kienet esperjenza tal-ġenn, ferm sabiħa u diffiċli biex ninsiha. Sodisfatta wkoll bil-wirja li tajt. Ninsab grata u onorata li tlajt nirrappreżenta lil pajjiżi li tant inħobb. Dan hu xow kbir ta’ livell internazzjonali fejn l-artist jew il-kantant jew kantanta għandha ċ-ċans tesponi ruħu jew ruħha.”

Saqsejniha dwar il-fatt li m’għamilnihiex għall-finali u x’ħasset wara r-riżultat tal-Ħamis li għadda.

“Lil hinn jekk għaddejniex jew le, hemm elementi fil-festival li jiddeterminaw ħafna affarijiet. Mhux bilfors għax ikollok wirja tajba, il-kanzunetta tiegħek se tgħaddi. Sfortunatament għalina, Malta hi gżira żgħira u d-daqs ġeografiku tagħna ma tantx jgħinna.”

Bonnici tgħid li dan il-festival jarawh miljuni ta’ nies u għalhekk hi ta’ għajnuna kbira għall-evoluzzjoni ta’ kantant. Hi qalet ukoll li l-Maltin u l-Għawdxin iridu jħarsu lejn dan il-festival b’lenti differenti u mhux neċessarjament li bilfors irridu nirbħuh jew inkella li ngħaddu għall-finali. 

Iżda li kieku kellha tieħu sehem għal darb’oħra f’dan il-festival, tagħmilha?

“Jien qatt ma ngħid le għalxejn. Ovvjament din kienet ħolma li xtaqtha ssir realta’ u b’xi mod irnexxielha ssir realta’. Żgur li se nibqa’ niftakarha u m’hu se ninsiha qatt. Għalissa żgur mhux qed nippjana li nieħu sehem għax nixtieq niffoka iktar fuq il-karriera tiegħi mużikali. 

Sadanittant, ġimgħa wara li ħadet sehem fil-festival ta’ Malmo, Sarah ħarġet single oħra bl-isem ta’ Lose. Din ġiet miktuba u prodotta minn Miki Mago u titratta dwar il-ħsibijiet li bniedem kapaċi jkollu f’moħħu.

“Jien bniedma li naħseb iżżejjed u xi kultant dawn l-istess ħsibijiet iwaqqfuni milli nikkonċentra u nagħmel dak li nixtieq. Iżda bħalma tgħid l-istess kanzunetta, dejjem hemm raġġ ta’ dawl u wieħed jew waħda tkun ħielsa minn dawn il-ħsibijiet sabiex tkun tista’ timxi ‘l quddiem fil-ħajja. Nispera li n-nies togħġobhom din is-silta li għandha tinżel għasel ma’ dawk kollha dilettanti tal-mużika.”

Saqsejna lil Sarah Bonnici dwar kif tara x-xena tal-mużika fil-preżent. Hi tgħid li għamilna ħafna titjib ‘il quddiem minħabba li qabel l-opportunitajiet kienu ftit. Kien hawn biss festival wieħed li appuntu kien l-Eurovision Song Contest. Issa qed naraw aktar festivals li bdew jiġu organizzati fosthom Mużika Mużika li hu wieħed ferm sabiħ, X Factor Malta, The Voice Malta u oħrajn.

Skont hi stess, dawn l-avvenimenti mużikali jgħinu sabiex il-kantant jew il-kantanta jkun jista’ jesponi l-prodott tiegħu. L-isfortuna li f’pajjiżna ma jeżistux dawk ‘l hekk imsejħa labels fejn kumpaniji rinomati f’Malta jimirħu fid-dinja tal-mużika li qed issir dejjem aktar kummerċjalizzata. Għalhekk l-artist ikollu jikkuntenta li jagħmel dan ix-xogħol bħala passatemp għax m’hemmx introjtu finanzjarju kbir għalih. 

Kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol, l-istudju u l-kant?

“Għalkemm il-professjoni proprja tiegħi hi dik ta’ accountant fejn studjajt u gradwajt fl-Universita’ ta’ Malta, iddeċidejt li nagħmel waqfa minn din il-karriera sabiex niddedika ħini għall-mużika. Għalhekk nista’ ngħid li bħalissa ninsab naħdem b’mod full-time bħala mużiċista. Bla dubju xejn m’hu faċli biex tagħmel dan kollu f’pajjiżna għalkemm jekk tirsisti jirnexxielek tasal għal dawk l-objettivi li tpoġġi.”

“Bħalissa qalbi qed tgħidli biex inkompli b’dan ix-xogħol mużikali minħabba li nħobb ħafna dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ dan l-istil. Qed niffoka mija fil-mija fuqha u nemmen li għamilt l-aħjar għażla. Ovvjament mhux faċli tlaħħaq ma’ xogħol u studju iżda jien dejjem ħassejt li nista’ nagħmilha għax għandi rieda kbira. Ħafna saqsewni jekk iniex se nerġa’ nkun accountant ‘il quddiem. Jien qatt ma ngħid le iżda għalissa ninsab iffukata fuq il-mużika.”

Saqsejna lil Sarah Bonnici dwar kif qed tħares lejn il-futur tagħha. Hi qaltilna li l-ġejjieni ma jafu ħadd għalkemm hi kommessa li tkompli tistinka sabiex tesponi ruħha aktar u tagħmel affarijiet ġodda. Hi tinsab eċitata sabiex tkompli dan il-vjaġġ mużikali li tant itiha pjaċir u sodisfazzjon. 

Finalment Sarah xtaqet tgħaddi messaġġ lil dawk kollha li jixtiequ jaqbdu karriera mużikali.

“Il-mużika kapaċi twasslek għall-affarijiet kbar. Ovvjament dawn l-affarijiet ma jiġux b’kumbinazzjoni iżda trid ħafna xogħol għalihom. Fit-triq se jkollok diżappunti iżda trid tkun kapaċi biżżejjed biex tqum u tibqa’ titla’ ‘l fuq. L-importanti li ma taqta’ qalbek qatt.”

“Qabel l-Eurovision Song Contest dejjem kont determinata li nasal x’imkien. Ħdimt u stinkajt kemm flaħt u llum ninsab hawnhekk. Madankollu dejjem ngħid li fadalli x’nitgħallem għax qatt m’emmint li wieħed jista’ jilħaq is-sema b’idejk. Barra minn hekk jien dejjem żammejt saqajja mal-art u dik għenitni sabiex nagħmel karriera ta’ suċċess”

Sarah Bonnici ittemm din l-intervista billi tirringrazzja lill-Maltin u lill-Għawdxin li tawha appoġġ u sapport speċjalment bin-numru ta’ messaġġi li rċeviet. Dan is-sapport għenha sabiex tagħti wirja mill-aqwa filwaqt li tinsab privileġġjata, onorata u grata li kienet proprju hi li matul din is-sena rrappreżentat lil Malta f’dan il-kuntest tant importanti internazzjonali.

Ekonomija

Sport