Tuesday, April 30, 2024

Kienet fix-xifer għax l-ibbuljar kien kissirha

… illum waħda mill-kontestanti ta’ Miss Malta b’kampanja kontra kull forma ta’ vjolenza

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Fil-primarja kont niġi bbuljata u niftakarni mmur d-dar ninxteħet fl-art u nagħmel ħin twil nibki bla ma rrid inkellem lil ħadd. Fis-Sekondarja dan żdied għax kien mar oltre minn hekk minħabba ċertu tgħajjir online”. Iddikjarat dan ma’ Talk.mt Miss Dingli Lexine Farrugia li hija waħda mill-kontestanti tal-konkors ta’ Miss Malta. L-edizzjoni li jmiss ta’ dan il-konkors mistennija ssir f’Jannar li ġej u dakinhar se tkun qiegħda tintgħażel ir-rebbieħa.

Farrugia qalet li dak iż-żmien kienet imkissra u kien hemm perjodu fejn kellha ħsibijiet koroh fosthom li tneħħi ħajjitha b’idejha. Spjegatilna li l-irwol tal-ġenituri f’ħajjitha kien kruċjali biex waslet fejn waslet llum u li kien proprju bis-saħħa tagħhom li waslet fejn waslet llum.

“Niftakar meta sentejn ilu ommi ħajritni biex nidħol għal dan il-konkors kont għidtilha li m’iniex tajba u sabiħa biżżejjed għax l-ibbuljar hekk kien ġegħelni nemmen”, kompliet biex tgħidilna filwaqt li qalet li hi qiegħda tirrakkonta l-esperjenza tagħha mhux biex jitħassruha iżda biex dawk kollha li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet negattivi fil-ħajja bħalma huma dawk li jbatu minn vjolenza domestika jfittxu l-għajnuna u proprju bħala parti mill-profil tagħha bħala kontestanta hija tenfasizza kontra kull forma ta’ vjolenza.

Barra minn hekk bħala studenta fost il-qwiebel fl-Isptar Mater Dei, Farrugia qalitilna li l-kuntatt dirett ma’ dawn il-ħaddiema li ta’ kuljum jagħtu sapport morali qawwi lil nisa oħra għenha jsaħħaħ il-karattru tagħha hekk kif tkompli tielgħa fl-iskaluni tal-kunfidenza tagħha nnifisha. 

“Minn meta dħalt għal dan il-kors stajt napprezza aħjar il-potenzjal tal-mara anke bħala omm li f’ċirkostanzi ta’ tbatijiet kbar issib il-kuraġġ kollu biex tagħti wild lil tarbija li jkun ilha tkabbar għal disa’ xhur sħaħ kompliet tkabbar fija l-kunfidenza bħala mara”, żiedet tgħidilna Farrugia.

F’dawn il-ġimgħat li ġejjin se nkun qiegħda nkompli noħloq kuxjenza kontra l-ibbuljar u l-vjolenza filwaqt li nkompli nħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom il-ħajra jidħlu għal esperjenza simili biex ma jaqtgħux qalbhom u jidħlu biex jagħmlu parti minn din il-familja ta’ Miss Malta.

Sport