Wednesday, October 9, 2024

Kienet ħolma li issa saret realta – Fabio Spiteri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

L-atleta Fabio Spiteri rnexxielu jikteb l-istorja tal-maratoni u tad-distanzi twal meta sar l-ewwel Malti li rnexxilu jagħmel id-DECA, l-Ironman għal għaxar darbiet. Din hi xi ħaġa li ħadd ma rnexxielu jagħmel sabiex l-istess Spiteri issa niżżel ismu bħala l-iktar atleta ta’ suċċess f’dawn it-tip ta’ avveniment.

Spiteri jinsab l-Italja u f’dawn il-jiem kien qed jikkompeti f’Garda, post fin-naħa ta’ fuq tal-Italja. It-tellieqa normali tal-Ironman tikkonsisti f’għawma ta’ 3.9 kilometru, ġirja bir-rota ta’ 180.2kilometru u tellieqa ta’ 42.2kilometru, ċifri li żgur li jaħsdu lil xi wħud aħseb u ara tagħmilhom!

Minkejja kollox, Fabio Spiteri għamilhom għal 10 darbiet, għal total ta’ 38 kilometru għawm, 1,800 kilometri ġirja bir-rota u tellieqa ta’ 422 kilometru.

Fabio Spiteri dam madwar 265 siegħa sabiex lesta d-Deca, tnax-il ġurnata sa mill-1 ta’ Settembru f’kundizzjonijiet tat-temp li xejn ma kienu sbieħ, speċjalment meta kienet tagħmel ħafna xita u fejn f’mument kellu jieqaf minħabba hypothermia li qabditu. B’kollox kien hemm 11-il atleta li bdew id-Deca, b’Fabio Spiteri jtemm fis-sitt post. Il-kompetizzjoni kienet mirbuħa mill-Ġermaniż Thorsten Eckert f’ħin ta’ ftit aktar minn 213-il siegħa. Fit-tieni post kien hemm l-Awstrijak Peter Brandenburger f’ħin ta’ 253 siegħa filwaqt li Andreas Six temm f’237 siegħa.

L-għan wara din l-isfida personali kien li tinġabar is-somma ta’ €100,000 għan-numru ta’ santwarji tal-annimali li għandna f’pajjiżna, jew kif inhu magħruf, il-Proġett 100. Din kienet it-tieni darba li Spiteri pprova d-DECA. Fil-fatt matul is-sena 2023 sena hu ma rnexxilux jasal sat-tmiem fil-Brażil minħabba uġigħ fil-muskoli.

L-isfida ta’ din is-sena kienet tfisser ħafna aktar mis-soltu għall-istess Fabio Spiteri, hekk kif jumejn qabel ma bdiet t-tellieqa, tilef lil wieħed mill-akbar ħbieb tiegħu, Jake Vella ta’ 15-il sena.

Din il-gazzetta kkuntattjat lil Fabio Spiteri li mill-Italja tana l-ewwel reazzjonijiet tiegħu wara li rnexxielu jagħmel din il-bravura kbira.

“Sa fl-aħħar ninsab kuntent u sodisfatt li għamilt id-DECA, xi ħaġa li kienet ħolma li issa saret realta’. L-ewwel lejl wara dik il-battikata kollha rqadt tmien sigħat tajba mingħajr ma stenbaħt, xhieda li verament kont għajjien. Kelli niekol ikla tajba wkoll għax f’dawn il-jiem tlift xi ftit tal-piż.”

Fabio Spiteri jgħid li kienet esperjenza iebsa ħafna minħabba d-distanza li kien hemm iżda ferm sinjifikattiva għax fissret kemm ħadem għall-ħolm li xtaq li jwettaq.

“B’kollox domt aktar minn 260 siegħa iġifieri 11-il ġurnata. Kelli 15-il siegħa għawm, 1,800 kilometru rota li jiġu żewġ dawriet madwar Sqallija apparti tellieqa ta’ 422 kilometru. Kelli tim li tani ħafna sapport speċjalment għax kien hemm min beda jiġri bir-rota miegħi biex jara li kollox hu kif suppost. Kelli problema fiżika f’xi mument meta l-għaksa bdiet tuġagħni minħabba n-numru ta’ sigħat fuq ir-rota. Kien hemm mument fejn it-temp kien sabiħ, xi drabi sħun minħabba x-xemx iżda wkoll kiesaħ minħabba x-xita li xarbitna u li f’ħin minnhom kelli nidħol fil-kamper għax qabditni hypothermia. Hemmhekk stajt nisħon ftit bħala ġisem sabiex stajt nibqa’ sejjer.”

B’kollox Spiteri spiċċa fis-sitt post minn 11-il atleta u għalhekk sar l-ewwel atleta Malti li għamel id-DECA xi ħaġa li diffiċli biex wieħed jagħmel.

L-għan hu dejjem wieħed, dak li jiġbor fondi għall-Annimali Abbandunati sabiex dawn tal-aħħar ikollhom dinjita’ apparti li jkompli bil-proġett 100. Mill-fundraising kien hemm madwar €44,000 ta’ ġbir għalkemm Fabio Spiteri jrid iktar speċjalment li jiġu mgħejjuna l-mijiet ta’ voluntiera li jagħtu l-ikel minn buthom għall-annimali abbandunati.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport