Tuesday, December 24, 2024

Kif il-paċenzja ta’ Man Utd kellha l-limitu tagħha mal-coach Erik ten Hag

Aqra wkoll

Kien hemm bosta drabi matul l-aħħar 14-il xahar meta t-tkeċċija ta’ Erik ten Hag kienet tkun ġustifikata iżda Manchester United baqgħu jżommu fit-tama li b’xi mod jista’ jdawwar l-affarijiet għal mod pożittiv. 

Il-paċenzja u l-iskużi fl-aħħar spiċċaw f’Old Trafford wara telfa diżastruża oħra għand West Ham, nhar il-Ħadd li għadda, li ħalliet­hom fl-14-il post fil-Premier League u bil-probabbiltá dejjem tikber li ma jikkwalifikawx għall-UEFA Champions League. 

It-telfa għat-tielet staġun konsekuttiv fil-Lvant ta’ Londra kienet il-fulkru biex il-kuntratt tal-coach Olandiż jintemm b’mod ħesrem minħabba li ntilfet kull fiduċja li b’xi mod ir-Red Devils jistgħu jis­piċċaw mal-ewwel erbgħa. 

Il-’grillu’ seta’ nġibed fi kwa­lunkwe punt fi żminijiet riċenti iżda l-wirja tal-Ħadd kienet indi­kattiva tal-avvenimenti fil-ground. 

Saru bosta żbalji mingħajr direzzjoni biex tiġi żgurata telfa oħra li ġiet issiġillata minn deċiżjoni żbaljata umana mit-terna arbitrali. 

Kien f’dan il-punt li l-ġerarkija tal-club iddeċidiet li l-kuntratt jitwaqqaf b’mod ħesrem qabel ma  Omar Berrada u Dan Ashworth infurmaw lil Ten Hag, nhar it-Tnejn filgħodu, f’Carrington.

Ten Hag ma tneħħiex mill-kariga tiegħu minħabba l-penalty tard favur West Ham, mogħti wara li l-VAR intervjena, biex il-Hammers ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1. 

Il-kapijiet tal-United kienu sem­għu l-aħħar skużi tal-mandat tal-Olandiż. Ten Hag qal li “x-xorti mhix fuq in-naħa tagħna” iżda timijiet bħal United m’għandhomx jiddependu fuq il-fortuna.

Fil-livell tagħhom, ir-Red Devils għandhom jegħlbu lill-maġġoranza tat-timijiet fil-kampjonat iżda l-kwalità kienet ilha wisq nieqsa, u deher li ma kienx hemm għażla oħra ħlief li jkeċċu lill-manager wara perjodu sostnut minn frustrazzjoni li kienet qed dejjem tikber b’mod gradwali.  

Ten Hag wettaq id-dmirijiet tiegħu fil-midja għall-partita f’darhom tal-lum kontra Leicester City fil-League Cup, meta kien għadu lanqas konxju tal-’konġura’ li kienet qed tinħema biex jitkeċċa liema  konferenza stampa ma xxandritx. 

Minn meta Jim Ratcliffe xtara s-sehem ta’ 25% tiegħu, il-pożiz­zjoni ta’ Ten Hag kienet taħt skrutinju kostanti. 

Kien hemm kuntatti u taħdidiet ma’ coaches oħrajn waqt li kien għadu fil-pożizzjoni. 

Qabel ir-rebħa sorpriża tal-finali tal-FA Cup fuq Manchester City, kien hemm kunsens dejjem jikber li Ten Hag ma kienx is-soluzzjoni fit-tul, hekk kif il-United spiċċaw fit-tmien post, l-inqas pożizzjoni tagħhom  fil-Premier League.

Ir-ritorn fil-UEFA Champions League huwa l-mira minima għal dan l-istaġun iżda l-United għandhom medja ta’ 1.2 punti fil-Premier League għal kull logħba wara disa’ logħbiet u jħossu li biex jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom, se jkunu meħtieġa 70 punt sa Mejju, jew medja ta’ 1.8 punti għal kull partita.

Ratcliffe u d-dixxipli tiegħu hu­ma iddisprati li jkunu forza qaw­wija Ewropea. Iżda lanqas fil-UEFA Europa League ma huma sejrin tajjeb minħabba li ġew miżmuma fit-tliet logħbiet li lagħbu fil-Fażi tal-Kampjonat bil-konsegwenza li jinsabu fil-21 post minn 36. 

Kieran McKenna u Thomas Tuchel ġew ikkuntattjati iżda tal- ewwel baqa’ ma’ Ipswich u l-coach Ġermaniż iddeċieda li x-xogħol tat-team nazzjo­nali tal-Ingilterra kien aktar at­traenti. 

Ix-’xibka’ kienet mitfugħa ’l bogħod bit-tama li jinstab kandidat addattat iżda, fl-aħħar mill-aħħar, fi club daqs Manchester United, il-ġabra ta’ għażliet realistiċi hija limitata u, imsaħħa bir- rebħ tal-FA Cup f’Wembley, ġie deċiż li Ten Hag seta’ jdawwar l-affarijiet.

Madankollu kien hemm il-ħtieġa li jsiru aġġustamenti fl-istaff tekniku  biex tinbidel id-dinamika. Kien hemm diskussjonijiet twal ma’ Ten Hag, f’Ibiza, dwar kif l-affarijiet setgħu jitmexxew ‘il qud­diem.

Ruud van Nistelrooy u Rene Hake ingħaqdu mal-kompatrijott tagħhom bħala assistenti u £200 miljun intefqu fuq players iżda prattikament ma nbidel xejn. 

Anke fit-tliet rebħiet tal-Premier League tal-United f’dan l-istaġun ma dehrux konvinċenti. Huma reb­ħu erbgħa mill-14-il partita tagħ­hom fil-kompetizzjonijiet kollha bid-differenza tal-goals tkun dik ta’ -3 fil-kampjonat, indikazzjoni li teżisti xi ħaġa ħażin fiż-żewġt itruf tal-ground.

It-telfiet umiljanti f’darhom kontra Liverpool u Tottenham urew qabża kbira fil-klassi bejn il-United u l-avversarji elite – bilanċ xokkanti meta wieħed iqis il-flus li ntefqu f’Old Trafford. 

Kien hemm skużi ripetuti relatati ma’ prestazzjonijiet ħżiena, filwaqt li l-ġerarkija kienet tittama għal soluzzjonijiet li qatt ma waslu.

Kien hemm apprezzament ta’ kif Ten Hag kien introduċa players żgħażagħ bħal Alejandro Garnacho u Kobbie Mainoo fl-ewwel team. Iżda naqas milli jieħu l-aħjar minn aktar players anzjani. 

Il-forma ta’ Marcus Rashford qed dejjem tmur lura u l-insistenza tal-manager li jiffirma lil Antony mingħand Ajax għal £85.6 miljuni se tibqa’ t-timbru għal dejjem tal-epoka ta’ Ten Hag. Il-winger qatt ma deher kapaċi jilgħab ma’ team elite fil-Premier League.

Il-clubs huma ħerqana li jevitaw it-tkeċċija ta’ nofs l-istaġun min­ħabba li tillimita aktar l-għażliet għal suċċessur iżda l-kreditu ta’ Ten Hag spiċċa. 

Ħafna drabi l-coaches iridu pre-season sħiħ biex jimplimentaw l-ideat tagħhom fuq skwadra minħabba li jista‘ jkun diffiċli meta jkun hemm ċaqliq kostanti ta’ logħob.

Il-United se jilagħbu darbtejn fil-ġimgħa għall-kumplament ta’ din is-sena u ftit players se jibqgħu f’Carrington waqt il-waqfa internazzjonali ta’ Novembru. 

Is-suċċessur ta’ Ten Hag x’aktarx ikollu jittratta dawk il-konsegwenzi wara li din id-deċiżjoni, li tidher inevitabbli, ġiet ittardjata.

Ekonomija

Sport