Friday, November 8, 2024

BUDGET LI JKOMPLI JIFFINANZJA L-PREZZIJIET TAL-ENERĠIJA

Aqra wkoll

Minkejja li pajjiżna, bħal pajjiżi oħra, għadu jiffaċċja sfidi globali, fosthom il-prezzijiet għoljin tal-fjuwils u l-enerġija, b’danakollu l-Budget 2025 xorta waħda ħaseb biex ikun ta’ sostenn għall-familji Maltin u Għawdxin u għan-negozji. Dan bil-miżuri li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar li ġej.

Kif qal il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fid-diskors tiegħu tal-budget dan kollu huwa riżultat ta’ deċiżjonijiet għaqlin li ħa dan il-Gvern f’kull mument diffiċli li ffaċċjat id-dinja. Dan huwa wkoll għax il-Gvern ma jibżax jieħu deċiżjonijiet iebsa meta jasal il-bżonn.

Dan huwa wkoll Gvern b’ruħ soċjali fejn il-poplu Malti u Għawdxi dejjem jibqa’ fil-qalba tal-politika tal-Gvern. Għalhekk ninnutaw b’sodisfazzjon li għar-raba’ darba konsekuttiva, il-Gvern se jerġa’ jiffinanzja s-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwils u ċ-ċereali. Din kienet għażla li l-Gvern ħa illi minflok tefa’ l-piż fuq il-familji, assorba hu ż-żidiet kollha li nħolqu fil-prezzijiet bil-kriżi tal-enerġija.

Xorta waħda l-Gvern għad għandu quddiemu l-isfida tal-għoli tal-ħajja. Iżda l-Budget 2025 jidher li se jbatti ftit din l-isfida billi jkompli jagħti sostenn lil faxex varji tas-soċjetà bil-miżuri soċjali li tħabbru fih.

Sfida oħra li l-Gvern jidher se jkun qed jindirizza hija l-kwistjoni tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna. Dan billi se jniedi politika dwar il-migrazzjoni ekonomika bit-tkomplija għal miżuri li diġà ttieħdu f’dan is-settur fosthom dawk li jwasslu l-ikel fid-djar u s-sewwieqa tal-karozzi Y plate.

Nistennew li din il-politika twassal biex il-ħaddiema barranin f’pajjiżna fosthom dawk li jaħdmu fl-isptarijiet jiksbu l-ħila li jikkomunikaw bil-lingwa tagħna wkoll. B’danakollu xorta waħda jibqa’ l-importanza li pajjiżna jħaddem ħaddiema barranin l-aktar f’impjiegi fejn hemm nuqqas ta’ ħaddiema Maltin. Dan jiġġustifika l-mudell ekonomiku li l-Gvern adotta f’dawn l-aħħar snin.

Quddiem dan kollu, minkejja li l-Budget 2025 fih ruxmata ta’ miżuri soċjali inkluż tnaqqis fit-taxxi għal min jaħdem, b’danakollu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fl-ewwel reazzjoni tiegħu ma ddejjaqx jgħid li dan il-budget ma jindirizzax il-problemi li qed jaffaċċjaw in-nies.

Minkejja dan, aħna nħossuna konvinti li dan il-Budget huwa wieħed b’viżjoni li jippromwovi x-xogħol u l-qasam soċjali. Kif wara kollox qalet il-General Workers’ Union fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Budget.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport