Thursday, March 28, 2024

Kif nistgħu nikkombattu r-reżistenza għall-Insulina u d-Dijabete Tip 2 permezz ta’ dieta tajba u stil ta’ ħajja sana?

Aqra wkoll

Minn: Dr Georgiana Farrugia Bonnici u Dr Antonella Grima

Id-dijabete Tip 2, li hija l-aktar tip ta’ dijabete komuni hija kklassifikata bħala diżordni fis-sistema metabolika li twassal għal livell ta’ zokkor għoli fid-demm. Dan jista’ jseħħ minħabba nuqqas ta’ produzzjoni tal-insulina jew inkella minħabba reżistenza għall-insulina fil-ġisem.

L-insulina hija tip ta’ ormona li hija magħmula miċ-ċelloli tal-frixa u li hija responsabbli għall-kontroll tal-ħażna tax-xaħam u z-zokkor fil-ġisem. Ir-reżistenza għall-insulina sseħħ meta tinħoloq inabiltà miċ-ċelloli f’ġisimna li jużaw l-insulina b’mod adegwat. Dan ifisser li dawk iċ-ċelloli tal-frixa li jipproduċu l-insulina jsiru iżjed stimulati biex iżidu l-produzzjoni tal-insulina u għalhekk il-livell tal-insulina fid-demm jibda jogħla bil-mod il-mod, u dan jista’ jwassal sabiex tifforma l-kundizzjoni tad-dijabete Tip 2.

Il-kundizzjoni ta’ reżistenza għall-insulina hija relatata mal-obeżità. Infatti, l-kundizzjoni hekk imsejħa bhala “metabolic syndrome” tkun preżenti f’persuna meta jkun hemm iktar minn rliet fatturi, jew iktar, preżenti minn dawn li ġejjin: livell ta’ zokkor għoli fid-demm, qies ta’ qadd ta’ iktar minn 35 pulzier fin-nisa u ta’ iktar minn 40 pulzier fl-irġiel, pressjoni għolja fid-demm, flimkien ma’ livell għoli ta’ xaħam fid-demm.

Huwa fatt magħruf li livelli għoljin ta’ zokkor fid-demm jinstabu f’ħafna nies madwar id-dinja, però dan ġieli ma jkunx għoli biżżejjed biex il-kundizzjoni tiġi kklassifikata bħala dijabete Tip 2. Dawn il-persuni jkunu għadhom fiċ-ċans li jipprevenu din il-kundizzjoni milli tizvillupa billi jsegwu dieta bbilanċjata, jitilfu l-piż żejjed u jagħmlu attività fiżika regolari.

Ċerti sintomi allarmanti li wieħed għandu jagħti kas u li huma relatati mal-preżenza tad-dijabete Tip 2 huma dawn: għatx kbir, żieda fil-produzzjoni tal-urina, għejja, vista mċajpra jew telf ta’ piż qawwi li ma kienx mistenni.

Id-dijabete Tip 2 mhux ikkontrollata tista’ twassal għal diversi kumplikazzjonijiet, bħall-mard fis-sistemi kardjovaskulari, mard tal-vista u mard tal-kliewi, fost oħrajn. Għalhekk, huwa importanti li wieħed ikellem lit-tabib tiegħu jekk jissuspetta li qed ibati minn din il-kundizzjoni.

Normalment, l-ewwel tentattiv mit-tobba sabiex jikkontrollaw id-dijabete Tip 2 huwa li javżaw lill-pazjent biex jitlef il-piż żejjed, iżid l-attività fiżika u jirregola d-dieta tiegħu billi jiekol ikel mhux ipproċessat li huwa baxx fiz-zokkor irfinat. Jekk dan it-tentattiv ifalli, it-tieni pass huwa li tingħata mediċina li tgħin biex wieħed inaqqas iz-zokkor għoli fid-demm. It-tielet u l-aħħar pass biex wieħed jirregola z-zokkor fid-demm għoli ħafna, ikun li tingħata l-insulina f’forma ta’ injezzjoni.

Huwa importanti li wieħed jittestja l-livell ta’ zokkor fid-demm regolari u dan m’għandux ikun iktar minn 6mmol/l jekk wieħed ikun sajjem jew inkella mhux iktar minn 11mmol/l jekk wieħed ma jkunx sajjem.

Hawn taħt għandkom issibu riċetta oħra bnina li hija tajba għal min jixtieq jikkontrolla l-livell ta’ zokkor fid-demm, kif ukoll informazzjoni nutrizzjonali fuq l-ingredjenti.

Insalata ħafifa għal żmien is-sajf:

Ingredjenti: Insalata mħallta (bħall-ħass, rucola, spinacino); pitrava msajra; ġewż; żrieragħ tal-qargħa ħamra, chia, ġunġlien; żejt taż-żebbuga extra verġni.

Ibda billi tħallat l-ingredjenti friski kollha flimkien, u tgħalli l-pitrava. Tista’ wkoll iżżid ftit qtar tal-lumi, ħall abjad jew mustarda ma’ din ir-riċetta, kif ukoll ħwawar bħar-riegnu, bużbież, kif ukoll ftit tewm frisk biex iżżid fit-togħma u l-palat, kif ukoll fin-nutrijenti li ġejjin mill-pjanti.

Il-pitravi: Huma sors tajjeb ta’ vitamini u minerali bħall-aċidu foliku, manganiż, potassju, ħadid u vitamina Ċ. Għalkemm fihom xi zokkor naturali, l-ammont ta’ karbojidrati u kaloriji fil-pitravi huma baxxi. Għalhekk dawn huma addattati għal min ibati bid-dijabete.

Ħxejjex bil-weraq aħdar: Dawn fihom ammont zgħir hafna ta’ kaloriji u jgħinuk timla l-platt u jzommuk mimli għal iktar żmien. Il- hxejjex hodor jipprovdu fibra, ħadid, kalċju, aċidu foliku u Vitamina K. Fil-fatt, dawn huma s-sors ewlieni ta’ aċidu foliku li jgħinu fil-prevenzjoni ta’ mard tal-qalb jew tan-nervituri. Huwa importanti li min jiehu xi tipi ta’ mediċina li traqqaq id-demm; bhall-Warfarina, jevita’ li jikkonsma hxejjex hodor li fihom hafna Vitamina K għax dawn inaqqsu l-effetti ta’ din il-mediċina partikolari.

Ġewż u żrieragħ: Minbarra l-protejini u l-fibra, l-ġewż u ż-żrieragħ jipprovdulna wkoll iz-żjut anti-infjammatorji tal-omega3. Dawn iżommu l-ġisem b’saħħtu u jipprevjenu ħsara relatata mal-mard tas-sistema kardjovaskulari tagħna u b’hekk inaqqsu r-riskju ta’ attakki tal-qalb jew puplesiji. Għalhekk min ibati bid-dijabete jista jgawdi minn sahha ahjar jekk jinkludi ammonti moderati ta’ ikel li fihom iz-zjut “polyunsaturated” bhall-omega3 u omega6 fid-dieta tiegħu.

Żejt taż-żebbuġa extra verġni: Dan huwa sors ta’ aċidu olejku li huwa “monounsaturated”. Iż-żejt taż-żebbuġa huwa wieħed mill-ingredjenti ewlenin tad-dieta Mediterranja; li meta jiġi kkunsmat f’moderazzjoni jgħin fil-prevenzjoni ta’ mard tal-qalb u mard infjammatorju, filwaqt li jikkontribwixxi lejn iktar lonġevità. Peress li ż-żjut, anka jekk ikunu tajbin għas-saħħa, fihom ammont sostanzjali ta’ kaloriji u jistgħu jikkontribwixxu għal piż żejjed, tajjeb li nużawhom bil-galbu.

Ekonomija

Sport