Il-ħidma li qed issir biex tiġi riformata s-sistema tal-ingaġġ ta’ ħaddiema li jiġu Malta minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea qed titmexxa tajjeb. Mhux dejjem tista’ tgħid hekk dwar bidliet jew “riformi” oħra nazzjonali li jiġu proposti.
Fit-tħejjija tal-bidliet, għandhom jiġu involuti dawk kollha b’xi interess jew sehem fis-settur. Jidher li l-konsultazzjonijiet meħtieġa qed isiru bil-galbu. Diffiċli tagħmel hekk f’li jikkonċerna l-ħaddiema barranin direttament, imma l-gvern qed jagħmel tajjeb li jżomm ukoll l-interess ta’ dawn il-ħaddiema bħala priorità. Apparti minn kunsiderazzjonijieet ta’ ġustizzja soċjali, xejn ma mhu siewi li pajjiżna jieħu r-reputazzjoni ta’ post li qed jesplojtja lill-imsejkna ta’ imkejjen oħra.
Biss, forsi qabżitli r-risposta li setgħet ingħatat għal mistoqsija kruċjali li qamet. Biex fil-ħlasijiet li jingħataw, il-ħaddiema barranin ma jiġux misruqa, il-proposta hi li l-pagi tagħhom iridu jitħallsu bi transfer bankarju. Tagħmel ħafna sens. Imma intqal li l-banek ma jaċċettawx li faċilment jiftħu kontijiet ma’ barranin terzi. Dan minnu?
BBB
Sirt nafu l-ewwel darba aktar minn erbgħin sena ilu bħala segretarju tal-bord li kellu jagħżel l-istudenti għad-dħul fl-Università. Benny Borg Bonello kien sieħeb eżemplari fil-ħidma li wettaqna biex skont ir-regolamenti ta’ dak iż-żmien, niżguraw li l-għażla tal-istudenti ssir bl-aktar mod ġust u trasparenti.
Snin wara, għal żmien twil ħdimna fuq il-kampanji politiċi tal-Partit Laburista, fejn ta kontribut qawwi waqt li żamm dejjem fl-isfond ta’ x’kien qed isir.
Imbagħad il-kuntatti bejnietna nqatgħu. Xorta bqajt insegwi x’kien jagħmel fi ħdan l-għaqda “pijuniera” tal-konsumaturi, li qatt ma ngħatat l-appoġġ statali li messu kellha. Bħas-soltu, l-ħidma tiegħu fiha kienet assidwa, sinċiera, dedikata, għalkemmm “low profile”.
L-aħbar tal-mewt tiegħu ħasditni. BBB jixraqlu rikonoxximent usa’. Kondoljanzi mill-qalb lil familtu.
GOVERNANZA
Il-governanza saret suġġett tal-akbar attwalità f’pajjiżna. Mhux biss, kif jippretendu xi wħud, min-naħa tal-gvern. L-istituzzjonijiet privati u soċjali iridu jkunu parti minnha.
Wieħed bilfors jiskanta b’li rraportaw il-medja dwar trejd unjin ewlenija tal-pajjiż, li ta’ spiss tkun involuta f’konfronti ġustifikati jew le. Ilha ma żżomm laqgħa annwali ġenerali aktar minn sentejn. Il-mexxejja tagħha ddikjaraw li peress li l-kontijiet tagħha kienu qed jiġu awditajti minn ditta professjonali serja, l-laqgħat ġenerali tal-membri ma kinux neċessarji daqstant!
Numru sostanzjali tal-membri talbu li ssir laqgħa ġenerali. Minflok, bejn il-kumitat diriġenti ttieħed vot fuq mozzjoni ta’ fiduċja fid-direzzjoni attwali. U allura l-problema solvuta!
Anzi ntqal li ssir laqgħa ġenerali tal-membri meta xi disputa mal-gvern tinħall. Il-governanza serja saret ballun politiku u soċjali… skont min qed jixxuttja!