Friday, April 26, 2024

“Kif tara lin-nies f’dak l-istat ma tqis l-ebda biża’ jew periklu” – Heinrich Camilleri

Aqra wkoll

Il-maltempata kbira li kellna fil-gżejjer Maltin lbieraħ kienet waħda li ħalliet lil bosta affettwati. Id-dipartiment tal-protezzjoni ċivili kellu domanda kbira minn individwi li spiċċaw maqbuda fil-karozzi tagħhom bil-ħaddiema li kellhom biċċa xogħol mhux faċli sabiex jagħtu l-assistenza tagħhom.

Ħafna sostnew li din kienet waħda mill-agħar maltempati ta’ kull żmien li laqtet lil Malta u lil Għawdex u mhux ta’ b’xejn li d-dipartiment tal-protezzjoni rċieva xejn inqas minn 250 telefonata sa nofsinhar biss.

Ir-riżorsi tal-Protezzjoni Ċivili kienu ffukati fuq operazzjonijiet ta’ salvataġġ li bdew isiru minn mument għall-ieħor. F’waħda minn dawn l-operazzjonijiet, Heinrich Camilleri, ħaddiem fi ħdan l-istess dipartiment deher isalva xi nies li spiċċaw maqbuda ġol-karozza tagħhom. Ritratt partikolari li dar il-mezzi soċjali kien meta l-istess Heinrich deher jerfa’ mara li kienet tidher fi stat ta’ paniku kbir. Kien att li ġie apprezzat ferm minn diversi persuni speċjalment għall-element ta’ periklu li kien hemm. Iżda kif ġara dan kollu?

“Kellna sejħa għal Baħar iċ-Ċagħaq fejn kien hemm xi nies li kellhom garaxx li kien mgħarraq b’sitt filati ilma. Kienet familja Maltija li sejħet għall-assistenza u aħna morna minnufih. Eżatt kif lestejna din il-biċċa xogħol ferm delikata, mill-kwartieri tagħna, waslet telefonata oħra fejn din id-darba qalulna li kien hemm erba’ min-nies fix-Xemxija li kienu maqbuda fil-karozza tagħhom u li ma setgħux joħorġu minħabba li l-kurrenti tal-ilma kienu ferm qawwija. Kien għalhekk li huma telgħu fuq is-saqaf tal-karozza għax bdew jibżgħu li l-ilma kien se jilħaqhom. Kienet xena xejn sabiħa u aħna mal-ewwel wettaqna dmirna għax ridna nsalvaw lil dawn il-persuni mill-periklu.”

Ritratt: Jonathan Borg

Kien hawnhekk fejn użaw ħabel li bih setgħu jwasslu wieħed wieħed lil dan il-grupp ta’ nies lejn parti iktar sigura.

Saqsejna lil Heinrich jekk dak il-ħin kienx qed jibża’ speċjalment għax kien hemm element kbir ta’ riskju. Hu qalilna li bħala membri tad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili jkunu mħarrġa kontinwament u għalhekk hu jsejjaħ dan ir-riskju bħala preventiv. Hi xi ħaġa naturali li dak il-ħin jgħaddi minn moħħok li jista’ jkun hemm xi periklu, iżda skont Heinrich dak il-ħin ma toqgħodx tħares lejn dawn l-affarijiet għax l-objettiv ewlieni hu li twettaq xogħlok u li twassal lill-persuni fil-periklu qawwijin u sħaħ. 

Minkejja kollox, x’ħin Heinrich, li ilu sentejn bħala membru attiv fid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili, ra dak il-filmat isalva lil dawn in-nies, jiskanta bih innifsu għal dak li hu u sħabu rnexxielhom jagħmlu f’elementi xejn sbieħ.

Heinrich reġa’ tenna kemm hu importanti l-element tat-taħriġ, għax dan id-dipartiment il-ħin kollu jaġġorna ruħu sabiex il-membri fi ħdanha dejjem ikunu preparati għal dak li jista’ jinqala’.

“Intenni li aħna qegħdin hemm għan-nies u x-xogħol tagħna hu li narawhom li jkunu qawwijin u sħaħ u ħielsa minn xi periklu li jsibu ruħhom fih.”

Heinrich Camilleri jemmen li dan ix-xogħol fih element qawwi ta’ vokazzjoni u għalhekk jista’ jiġi deskritt bħala wieħed nobbli.

“Inqis dan ix-xogħol mhux biss bħala vokazzjoni li nemmen li hu element ferm importanti iżda wkoll fih ħafna dedikazzjoni u fuq kollox ħafna sagrifiċċju. Nemmen ukoll li ftit wara li tkun wettaqt dmirek, tħoss element qawwi ta’ sodisfazzjon u dan jġiegħlni nibqa’ għaddej sabiex flimkien ma’ sħabi nkunu ta’ servizz għall-poplu Malti u Għawdxi.”

Tlabna lil Heinrich iwassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li qed jitħajru jaħdmu fid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili.

“Dan ix-xogħol fih ħafna sodisfazzjoni fejn int tagħti ħafna lil ħaddieħor. Jien nara wkoll li jgħinek iktar sabiex mhux biss tirrispetta lilek innifsek iżda wkoll lil dawk ta’ madwarek filwaqt li jagħti aktar valur ta’ dixxiplina.”

Sport