Il-kliniċi bdew jagħlqu f’xi stati tal-Istati Uniti wara li sentenza tal-Qorti Suprema nhar il-Ġimgħa neħħiet id-dritt kostituzzjonali tan-nisa Amerikani għall-abort.
Madwar nofs l-istati mistennija jintroduċu restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet ġodda wara li l-qorti qalbet id-deċiżjoni tagħha magħrufa bħala ‘Roe vs Wade’ ta’ 50 sena ilu.
Il-President Joe Biden iddeskriva s-sentenza bħala “żball traġiku”.
F’Phoenix, Arizona, il-pulizija sparaw gass tad-dmugħ wara li dimostranti favur l-abort ħabbtu fuq il-bibien u t-twieqi ta’ Capitol. Fost protesti oħra, għadd ta’ dimostranti mblukkaw it-traffiku f’Los Angeles. Illum il-protesti mistennija jkomplu fl-ibliet madwar il-pajjiż.
Fi klinika tal-abort f’Little Rock, Arkansas – il-bibien taż-żona tal-pazjent ingħalqu malli l-opinjoni tal-qorti bdiet tinxtered online. Il-ħaddiema għamlu kuntatt man-nisa li kienu qegħdin jistennew għat-trattamenti tagħhom li dawn kienu ġew kanċellati.