Monday, November 4, 2024

Kirurgu jirrifjuta li minħabba strajk tiġi kkanċellata operazzjoni fuq tifel Malti

Ħaddiema oħrajn bdew jgħidu li l-operazzjoni kellha tiġi kanċellata...

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Omm Maltija u binha li fl-aħħar jiem siefru lejn Londra minħabba trattament kienu fost dawk li setgħu spiċċaw ibatu mill-istrajk tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa fir-Renju Unit.

L-omm irrakkuntat kif wara tant żmien ta’ stennija u waslet il-ġurnata tal-operazzjoni ta’ binha. Hija spjegat li ngħataw l-istruzzjonijiet kollha, u li kollox kien miexi kif previst. Madanakollu meta binha kien qiegħed jingħata l-loppju biex jidħol għall-operazzjoni, wieħed mill-ħaddiema nstema’ jgħid li l-operazzjoni kienet se tiġi kanċellata.

Maħkuma mill-paniku, l-omm bdiet tistaqsi jekk dan kienx qiegħed jitkellem bis-serjetà b’mod speċjali meta binha kien beda jingħata l-loppju wara tant stennija. B’xorti tajba jidher li kellu jkun il-Kirurgu Walid Sabbagh li intervjena u sostna li l-operazzjoni ma setgħetx tiġi kanċellata wara tant stennija mit-tifel u l-vjaġġ għal din l-operazzjoni. Kien għalhekk li ddeċieda li jopera hu.

“Għiduli x’jibqa’ fik? Ibni qiegħed jieħu l-loppju u professur jiġġieled għalih biex issirlu operazzjoni għax iridu jagħmlu strajk”, staqsiet l-omm.

Fortunatament jidher li t-tfajjel ġie operat u kollox jidher li mar sew bl-omm tappella biex napprezzaw iżjed il-professjonisti mediċi ta’ pajjiżna li fil-maġġoranza tagħhom jagħmlu minn kollox biex jgħinu lill-pazjenti.

Strajk biex itejbu s-salarju…

Eluf ta’ infermiera fl-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq strajkjaw minħabba s-salarju tagħhom li qed isostnu li hu baxx. Huma qed jitolbu żieda ta’ kważi 20 fil-mija. Il-Kap tar-Royal College of Nursing, Pat Cullen, qalet li l-Prim Ministru Rishi Sunak għandu jieqaf jistaħba wara l-midja u jinnegozja direttament magħhom għax jekk ma jiġrix hekk se jżidu l-azzjonijiet industrijali. 

Intant, illum mistennija li jieqfu mix-xogħol ix-xufiera tal-ambulanzi u ħaddiema oħra relatati ma’ dan is-servizz. L-armata se tintuża biex tagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas fost tħassib qawwi fuq il-konsegwenzi ta’ din l-azzjoni.

Sport