Wednesday, June 25, 2025

“Kisba kbira għas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta”

- Theo Vella, Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU

Aqra wkoll

Fis-sensiela ta’ ftehimiet kollettivi u settorjali li ġew iffirmati għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, it-Tnejn li għadda ġie ffirmat ftehim ieħor storiku li permezz tiegħu l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta se jgawdu minn €68 miljun f’żidiet fil-pagi u s-salarji tagħhom. Dan il-ftehim settorjali, li jibni fuq ta’ qablu u li reġa’ ġie ffirmat mar-rappreżentanti ta’ dawn il-ħaddiema, il-General Workers’ Union, se jerġa’ jagħti żidiet b’saħħithom u jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ madwar 1,800 uffiċjal.

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, Theo Vella, Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU, fisser dan il-ftehim bħala kisba kbira għas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, li se jkunu qegħdin jaraw il-frott tiegħu hekk kif dan it-tieni ftehim settorjali se jkun aktar b’saħħtu mill-ewwel wieħed.

Huwa semma kif minbarra l-allowances li kienu diġà eżistenti, iddaħħlu oħrajn ġodda u mekkaniżmu ekwivalenti għall-overtime kif jitħallsu wara l-40 siegħa. Żied jgħid li l-unjin tħossha privileġġjata li għandha din l-opportunità li tirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema. 

“Qed nirċievi għadd kbir ta’ messaġġi. Kulħadd qed jirrikonoxxi issa verament xi tfisser trejdunjin u ta’ dan nirringrazzja lil kulħadd, partikolarment lill-membri li emmnu fina, tawna rikonoxximent u għaldaqstant issa qed issarrfu f’eluf kbar ta’ ewro għalihom u l-familji tagħhom,” tenna jgħid is-Sur Vella. 

Dan il-ġurnal tkellem ukoll mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, li wkoll kien preżenti għall-iffirmar tal-ftehim settorjali bejn il-GWU u l-AFM. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim u semma kif il-GWU hi l-unika unjin li tirrappreżenta l-Korpi Dixxiplinati kollha.

“Bħala GWU sodisfatti ħafna għax kissirna prinċipji li kienu antikwati li kienu jgħidu li l-Forzi Dixxiplinati ma jistax ikollhom rappreżentanza fi trejdunjin. Din l-innovazzjoni sħiħa li saret fir-relazzjoni industrijali llum tippermetti lill-membri tagħna, li fil-Forzi Armati huma kważi kollha membri, li qed jaraw il-frott ta’ din il-ħidma b’żidiet fenomenali fil-pagi u l-allowances tagħhom. Kienet storja ta’ suċċess li qed tagħmel il-GWU kontinwament fil-Korpi Dixxiplinati,” qal is-Sur Bugeja.

Qabel l-iffirmar tal-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-issiġillar ta’ dan il-ftehim bħala investiment ieħor f’kategorija ta’ ħaddiema. Kategorija ta’ ħaddiema parti mill-Amministrazzjoni Pubblika li gawdiet ukoll mill-ftehim kollettiv tal-Amministrazzjoni Pubblika ffirmat lejn tmiem is-sena l-oħra. Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif mill-bidu tax-xahar li għadda sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, il-Gvern ser ikun iffirma xejn inqas minn 11-il ftehim li bih jagħti żidiet u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ 1,100 ħaddiem tal-Amministrazzjoni Pubblika.

“Kull ftehim qed nagħmluh mhux għal medda twila ta’ snin jew inħalluh jiskadi u ma niffirmaw ieħor qatt. Anzi ħames snin wara ħames snin, il-ħaddiema qed jaraw titjib fil-kundizzjonijiet u żidiet qawwija,” qal Dr Abela li rrimarka kif dan ma jsirx biss għax il-Gvern għandu x-xewqa li jagħmel dan iżda għax finanzjarjament huwa sod, stabbli u jiflaħ iqassam il-ġid u jinvesti fil-ħaddiema tiegħu.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri sostna li Malta sigura u kundizzjonijiet aħjar flimkien ma’ drittijiet imsaħħa għall-ħaddiema, mhumiex biss kliem jew buzzwords, iżda huma l-prijoritajiet li dan il-Gvern jaħdem għalihom kuljum. Fisser li s-sigurtà tal-pajjiż u l-investiment fil-ħaddiema li jagħtu ħajjithom għal dan il-għan, għandhom jimxu id f’id.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport