Monday, December 9, 2024

KLIEM TA’ MIBEGĦDA FUQ IL-MEZZI SOĊJALI

Aqra wkoll

L-iskop tal-midja soċjali huwa li tkun ta’ pjattaforma biex wieħed jikkomunika mal-ieħor, ikun fejn ikun. Dan huwa avvanz fit-teknoloġija li qed iġib nies flimkien minn diversi strati tas-soċjetà. Iżda sfortunatament, qed ninnotaw li minflok qed jinqeda dan l-iskop soċjali, qed jiġi abbużat, l-aktar bi kliem ta’ mibegħda fil-konfront ta’ oħrajn. 

Dan il-kliem ta’ mibegħda m’għadux biss fuq bażi politika imma wkoll daħal fi sferi oħra fosthom disprezz lejn l-immigranti u ħaddiema barranin li qed jaqdu dmirhom b’mod tajjeb f’pajjiżna. Innutajna wkoll dan l-aħħar imġiba mistmerra mimlija diskors ta’ mibegħda fil-konfront ta’ Jason Micallef minn esponenti ewlenin tal-Għaqda Repubblika u oħrajn li saħansitra għajru lil nies bi twemmin Laburista bħala illitterati.

Aħna nikkundannaw kull attentat ta’ kliem ta’ mibegħda, jiġi minn fejn jiġi. Iżda ma nistennewx li llum, fis-sena 2024, għad fadal min lest li jinqeda bil-mezzi tal-midja soċjali biex jinsulenta u jgħajjar lil ħaddieħor, kif ġara fil-każ kontra Jason Micallef. Nistqarru li kliem ta’ mibegħda mhux biss għandu jiġi kkundannat imma wkoll li jittieħdu passi sabiex dan ma jkomplix isir. 

Wara kollox aħna lkoll Maltin u r-reputazzjoni tagħna tiddependi ħafna fuq l-imġiba tagħna. Jekk ikun hawn min li għal kull ħaġa ta’ xejn jinfexx jgħajjar u jiddisprezza bi kliem jew xorta oħra lil ħaddieħor, ma jkunx qed jagħmel ġieħ lilu nnifsu u saħansitra jwassal għal ansjetà fil-konfront ta’ min jisfa vittma ta’ diskors ta’ mibegħda. 

Għalhekk ninsistu li l-pieni kontra atti ta’ kliem ta’ mibegħda jiżdiedu u nittamaw li l-Qrati ma jkunux lenjenti meta jiġu biex jiġġudikaw każijiet bħal dawn. Pajjiżna jiddefendi l-libertà tal-kelma u tal-espressjoni u dan urieh meta neħħa l-libell kriminali. B’daqshekk ma jfissirx li nfetaħ xi bieb jew tieqa li tagħti d-dritt lil dak li jkun li jinġurja, jinsulenta jew jattakka lil xi ħadd ieħor.

Irridu mhux biss inkunu imma nuru li aħna poplu matur u lesti naċċettaw il-kritika sakemm din tkun oġġettiva u mhux li ddejjaq jew tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ ħaddieħor. 

Ekonomija

Sport