Fl-aħħar ġimgħat dan is-sit irċieva lmenti mingħand persuni li ntalbu depożitu meta ċemplu biex jirriżervaw mejda f’ristoranti madwar il-pajjiż. Din it-talba għal depożitu jidher li gerrxet il-klijentela ta’ xi stabbilimenti, meta l-ħsieb warajha hu li sid l-istabbiliment ikun jista’ jagħmel finanzjament sostenibbli fejn jidħlu spejjeż u dħul. Dwar dan tkellimna mal-President il-ġdida tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering Maltija Michelle Muscat.
Spjegatilna li għalkemm għada ’l bogħod milli ssir prassi (apparti fl-istabbilimenti meqjusin bħala very high end), din qiegħda tiġri minħabba l-fatt li hemm persuni li jaqbdu u ma jitfaċċawx bla ebda preavviz. Waqt li l-industrija qiegħda tipprova tirkupra Mill-effetti tal-pandemija, dan il-fatt qiegħed ifixkel bil-bosta dan il-proċess. Ħafna drabi fejn jidħlu stabbilimenti zgħar, ikunu irrifjutati bookings ta’ kljenti regolari minħabba bookings oħrajn u l-istabbiliment jirriżulta li jkun mimli meta fil-fatt bin-no shows jibqagħlu mwejjed vakanti. Dan ifisser telf u nuqqas ta’ sostenibbilità għan-negozju.
“Personalment ma nixtieqx naqbad din it-triq però sta għal klijent li juri rispett u jikkanċella fil-ħin kemm b’telfonata jew anke b’messaġġ. Aħna nifhmu li kulħadd suġġett li jinqalalu emerġenza iżda l-agħar ħaga hija meta wara ftit ħin li suppost ikun wasal il-klijent aħna nippruvaw inċemplulhom u jew ma jweġbux jew jgħidulek li sempliċement insew jikkanċellaw. Dan inqisuh bħala diżrispett kbir lejn l-industrija”, iddikjarat Muscat.
Differenza bejn l-effetti tal-pandemija u l-invażjoni fl-Ukrajna
Kważi tliet xhur ilu, l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna wasslet għal daqqa ta’ ħarta oħra għas-settur tal-Catering. Staqsejna lill-President tal-ACE dwar id-differenza bejn id-daqqa tal-pandemija u l-effetti tal-invażjoni fl-Ukrajna. Filwaqt li faħħret l-inizjattiva tal-gvern li intervjena bil-Covid Wage Supplement u anke bil-vawċers li mingħajrhom kieku llum għandna ħafna iżjed stabbilimenti li kellhom jagħlqu l-bibien. Barra minn hekk il-gvern offra għajnuniet oħrajn matul il-pandemija fosthom b’għajnuna fuq il-kirjiet kif ukoll fuq il-kontijiet li kienu ta’ spalla għas-sidien tan-negozji f’dawk ix-xhur ta’ sfidi kbar ekonomiċi. Il-pandemija kienet sfida ta’ operat għax għandek limitazzjonijiet fost l-oħrajn ikkawżata minn restrizzjonijiet ta’ distanza soċjali.

L-invażjoni fl-Ukrajna wasslet għal dannu ekonomiku li qed jaffettwa l-ispiża globali u qiegħda tikkawża sfida enormi biex jinżammu l-istess prezzijiet. Tkellimna dwar il-problema taż-żieda fil-prezz tal-prodotti primarji u l-fatt li pajjiżna minħabba ċ-ċokon tagħna huwa limitat u ma nistgħux nixtru fi kwantitajiet kbar. Barra minn hekk pajjiżna huwa gżira u għandek il-prezzijiet tat-trasport li sploda f’dawn l-aħħar ġimgħat. Sostniet li jeħtieġ inkunu realistiċi u hemm restrizzjonijiet sakemm jistgħu jogħlew il-prezzijiet, anke minħabba li żdiedet sostanzjalment il-kompetittività.
Il-prodotti lokali jistgħu jkunu alternattiva?
Rigward il-prodott lokali bħala soluzzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet, Muscat qalet li dan għandu limitazzjonijiet. Sostniet li għandek prodotti li ma tistax takkwistahom dejjem lokalment minħabba volumi u kwistjoni fejn il-prodott lokali mhuwiex dejjem l-aktar wieħed kompetittiv.
“Definittivament il-prodott lokali jista’ jgħin u jservi ta’ opportunità biex ngħinu fil-kampanja li għaddejja tal-‘From the Farm to The Fork’ li għaddejja bħalissa”, żiedet tgħid ma’ dan is-sit.
“Filwaqt li fil-pandemija kellek fenomenu fejn kellek tagħlaq jew tnaqqas l-operat tiegħek, l-invażjoni fl-Ukrajna hija kwistjoni tal-prodott li se nkunu nistgħu noffru u l-prezz li se jkun qiegħed jintalab għall-istess platt”, kompliet Muscat.
Ir-riżorsa umana tibqa’ sfida kbira
Il-President tal-ACE sostniet li r-riżorsa umana tibqa’ waħda mill-akbar sfidi. Fakkret li fi żmien il-pandemija, kellek konsegwenza fejn it-talent Malti għażel li jxaqleb lejn industriji aktar siguri. Minkejja li dejjem kienet problema biex timpjega lill-Malti, Muscat għamlitha ċara li anke biex tħaddem barranin hija sfida li qiegħda tikber. Kellek barranin li fi żmien il-pandemija ntilfu minħabba diversi raġunijiet fosthom dawk li ma kellhomx booster u kellhom jintbagħtu lura pajjiżhom. Barra minn hekk għandek problema ta’ lingwa fejn il-Malti jikkomunika tajjeb mal-Malti, il-Mediterranju l-istess, iżda dawk minn pajjiżi oħra jistgħu jsibuha diffiċli biex ikunu kapaċi jagħtu s-servizz mitlub mill-Maltin.
Il-Malti jħobb joħroġ jiekol u huwa komponent b’saħħtu għall-industrija
Muscat innutat żieda fin-numri f’niċeċ bħalma huma l-Belt, Tas-Sliema, f’Għawdex u anke rħula iżgħar u li minkejja dan il-pajjiż huwa dipendenti mit-turiżmu, il-Malti joħroġ jiekol u jagħmel komponent b’saħħtu min-numri finali. Il-President tal-ACE tara li f’kull faxxa wasal iż-żmien li jkun hemm għajnuna ta’ għarfien ta’ kif in-numri huma importanti biex meta s-sid jagħsar id-dħul mal-ħruġ jibqa’ sostenibbli biex ikun jista’ jibqa’ jkabbar l-oparat tiegħu.
“Is-settur għandu għatx biex jikber iżjed u fl-irwol il-ġdid tiegħi l-interess tiegħi huwa li naraw li bħala ACE ma nkunux biss leħen politiku imma li nindirizzaw dawk li huma l-esiġenzi tas-suq, b’mod edukattiv, b’opportunitajiet ta’ taħriġ u tagħlim barra minn Malta, b’opportunitajiet ta’ fondi ewropej u b’opportunitajiet li ngħaqqdu lis-settur biex flimkien għax flimkien ikollna leħen aktar b’saħħtu biex dan is-settur jibqa’ verament punt kardinali tal-ekonomija lokali”, temmet tgħid Muscat.