Tuesday, December 24, 2024

Kollaborazzjoni b’saħħitha bejn Malta u l-Afrika tissarraf f’investiment li jrendi u opportunitajiet ta’ tkabbir

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bħala parti mill-attivitajiet b’rabta ma’ Jum l-Afrika, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru kumpanija lokali bi proġetti u investimenti sostanzjali fl-Afrika.

AquaBioTech Group, li topera f’niċċa speċifika fl-industrija tal-akwakultura, għandha fost l-akbar faċilitajiet tat-tip tagħha fid-dinja, b’investimenti f’aktar minn ħamsin pajjiż. 

Bl-għajnuna tar-relazzjonijiet diplomatiċi b’saħħithom li bniet Malta ma’ pajjiżi Afrikani u s-sostenn tal-fondi Ewropej, fl-aħħar snin il-kumpanija wettqet diversi proġetti fl-Afrika, fosthom fil-Kenja, fil-Ghana u fin-Namibja waqt li qed tħares lejn investiment ġodda f’dawn u f’pajjiżi oħra fil-kontinent ġar tagħna. Ilkoll proġetti intiżi biex jibnu industriji ġodda, ekonomiji reżiljenti, u futur sostenibbli fil-pajjiżi rispettivi.

Il-Ministru Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi fissru dan kollu bħala eżempju tajjeb ta’ kif il-Gvern qed jaħdem id f’id mas-settur privat biex jiffaċilita investiment li jrendi u li jkun ta’ benefiċċju reċiproku għall-pajjiżna u għall-pajjiżi tal-Afrika.

Dan fi spirtu ta’ koperazzjoni sinċiera waqt li nsaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna bħala sieħeb strateġiku u pont affidabbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika.

Aktar tard, il-ministru, s-segretarju parlamentari u r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Afrikana Ronald Micallef kellhom laqgħa virtwali ma’ żgħażagħ Afrikani li qed jistudjaw fl-Università ta’ Malta li matulha skambjaw ideat dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi rispettivi, l-opportunitajiet eżistenti u l-potenzjal ta’ opportunitajiet ġodda fis-settur tal-edukazzjoni u l-kummerċ, l-ugwaljanza u l-multi-kulturaliżmu.

Ekonomija

Sport