Friday, April 26, 2024

Kollaborazzjoni favur inizjattivi komunitarji għal persuni bil-kundizzjoni tad-dimensja

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ġie mħabbar li se ssir kollaborazzjoni bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u numru ta’ kunsilli lokali, favur persuni bil-kundizzjoni tad-dimensja. Dan sabiex jiġu żviluppati inizjattivi li jgħinu lil dawn l-istess persuni sabiex ikunu jistgħu jgħixu aħjar u b’mod aktar inklussiv fil-komunitajiet rispettivi tagħhom.

Dan tħabbar mill-Ministru Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, hekk kif qalu li l-kunsilli lokali li se jkunu parteċipi huma dawk ta’ Ħal Kirkop, Bormla, Pembroke, Ħad-Dingli, Għajnsielem, Żejtun, Mosta u Ħaż-Żebbuġ.

Dawn l-inizjattivi se jwasslu għal aktar għarfien dwar il-kundizzjoni tad-dimensja billi, fost oħrajn, jitwettqu sensiela ta’ taħdidiet minn professjonisti fil-qasam, li se jkunu miftuħa għall-komunitajiet lokali. Dan iwassal sabiex il-komunitajiet ikunu jistgħu jifhmu u jirrispettaw aħjar lil persuni b’din il-kundizzjoni u jgħinu sabiex dawn il-persuni jgħixu bl-aħjar mod.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela sostna l-importanza ta’ din il-kollaborazzjoni hekk kif aċċenna għal studji li wrew li ħafna nies li jgħixu bid-dimensja jħossuhom weħidhom u iżolati, b’aktar minn wieħed minn kull erba’ anzjani jgħidu li jħossuhom maqtugħin ukoll mis-soċjetà.

“Kommessi li nifirxu s-servizz tagħna kullimkien, saħansitra anke b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet, f’dan il-każ mal-kunsilli lokali li huma ta’ importanza fil-lokalitajiet ħalli ħadd ma jħossu mwarrab,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-inizjattiva tal-kunsilli lokali li se ssir b’kollaborazzjoni mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, fejn se joffru sessjonijiet ta’ għarfien lir-residenti fuq il-kundizzjoni tad-dimensja.

“Hija xi ħaġa sabiħa li permezz ta’ sessjonijiet ta’ għarfien il-kunsilli lokali se jkunu qed jgħallmu u jinfurmaw residenti biex jgħinu persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja jgħixu ħajja aktar komda u sigura fil-komunità tagħhom,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari.

Dawn is-sessjonijiet ta’ informazzjoni se jkunu miftuħa għall-pubbliku u anke għas-sidien tal-ħwienet fil-lokalitajiet u se jkunu mingħajr ħlas. Iktar informazzjoni dwar id-dati ta’ dawn s-sessjonijiet, li se jsiru fil-kunsilli lokali rispettivi, se jingħataw mill-kunsilli lokali matul din is-sena. Għal aktar informazzjoni dwar id-dimensja u għajnuna li tista’ tiġi offruta mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, wieħed jista’ jikkuntattja lid-Dimensja Helpline fuq 1771.

Sport