Saturday, December 21, 2024

“Kollox ġie b’kumbinazzjoni u qisu bħalma jgħidu, ta’ bla ħsieb jirnexxi”

Dr Lynn Chircop Faure

Aqra wkoll

Dr Lynn Chircop Faure hi personalità Maltija li m’għandha bżonn l-ebda introduzzjoni. Fis-sena 2003 kienet ħadet sehem fil-Eurovision Song Contest li kien sar fil-belt ta’ Riga fil-Latvja. Dakinhar hi kienet kantat id-diska “To Dream Again”, miktuba minn Alfred Zammit u Cynthia Sammut.

Chircop Faure llum il-ġurnata għandha 41 sena u teżerċita l-professjoni ta’ avukat; ix-xogħol ma jonqos qatt. F’dawn l-aħħar snin, hi bdiet tagħmel kampanja fuq diversi temi li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet umani. Riċentament ukoll hi ressqet sett ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex uħud mid-drittijiet tat-tfal jiġu salvagwardjati. Dan għamlitu wara li semgħet minn diversi individwi t-tbatija li kienu għaddejjin minnha.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu importanti u ġew diskussi fit-tentattiv li jiġu implimentati għall-ġid ta’ dawk kollha involuti.

Minkejja l-professjoni legali tagħha, in-namra ta’ Lynn Chircop Faure lejn il-mużika baqgħet hemm.

Fl-aħħar jiem hi nediet il-kanzunetta bl-isem ta’ Malta, li hi tqis bħala tifkira għall-Maltin meta jħossu l-ħtieġa li jiddefendu isem Malta. Hi kitbet din il-kanzunetta fil-bidu tal-ħarifa fejn il-ħsibijiet li kellha tant kienu qawwija li ma setgħetx ma tesprimix ruħha.

Talk.mt tkellem ma’ Lynn Chircop Faure fejn tatna aktar dettalji x’wassal sabiex tikteb il-lirika ta’ din il-kanzunetta apparti li eventwalment tkantaha. “Malta hi kanzunetta li hi għal qalbi ħafna. Kollox ġie b’kumbinazzjoni u qisu bħalma jgħidu, ta’ bla ħsieb jirnexxi.”

“F’mumenti bħal dawn niġi ma nkunx naf jekk niktibx bil-Malti jew bl-Inġliż dak li jkun qanqal emozzjoni fija. Iżda f’dan il-mument partikolari, b’mod awtomatiku bdejt nikteb bl-Ilsien Malti, l-ilsien nazzjonali tagħna, vers wara l-ieħor qisni qed nitkellem ma’ xi ħadd. Kien mument verament intensiv u li ħallieni bla saħħa wara għaliex bqajt nippersisti biex nfisser lili nnifsi x’wassalni b’tazza kamomilla, lapes u karta fuq is-sufan f’nofs ta’ lejl,” tkompli tgħid Chircop Faure.

Fil-fatt, wieħed tajjeb jgħid li Chircop Faure ġewha dawn il-ħsibijiet f’nofs ta’ lejl partikolari u ma setgħetx toqgħod kwieta qabel ma’ tagħmel dak li kellha f’moħħha: “Ħa nkun onesta. Ma kontx kuntenta bil-kliem biss, iżda ridt ukoll nisma’ l-melodija. Ma stajtx ninjoraha u għalhekk qbadt għaddejja, dan kollu f’nofs ta’ lejl!”

“Dawn il-mumenti huma fost l-isbaħ li ngħix u nħossni privileġġjata li studjajt strument mużikali li jtini spazju wiesa’ fejn nista’ nesperimenta, kemm b’ritmu kif ukoll melodija f’daqqa. Personalment nippreferi mumenti bħal dawn inkun fuq il-pjanu akustiku. Ħaġa stramba li ħassejt hi li ma ridtx nistenna li jisbaħ u xgħelt is-sistema elettronika li għandha keyboards imqabbdin magħha.”

Iżda x’kienet eżatt dik l-emozzjoni li ħasset sabiex qabdet tagħmel dan kollu f’nofs ta’ lejl?

“Illum il-ġurnata li lestejt kollox nista’ nifhem xi ġrali matul dak il-lejl u ħafna okkażjonijiet oħra meta kelli xi ngħid għal ġid ta’ pajjiżna u niesa. Dak li kont qed inħoss jien, ħassewh u jibqgħu jħossuh Maltin bħali li tant jagħrfu dak li l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna ħadmu u stinkaw għalih. Sabiħ li jkollok l-ispazju li nesprimu ruħna, b’mod liberu, mingħajr ma nkunu kkontrollati. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-istorja ta’ pajjiżna”.

Qed nitkellmu dwar Malta u s-soċjetà li donnha evolviet. Imma dan kollu evolva għall-aħjar jew għall-agħar?

“Ħa ngħidu hekk, mal-evoluzzjoni tas-soċjetà Maltija tfaċċaw sfidi li mhux daqshekk faċli li wieħed jaffronta. Aħna konna tradizzjonalment komdi li ċerti suġġetti ma nqanqluhomx”. Hija tkompli tgħid li dan ma jfissirx li jkollok status quo fil-pajjiż iżda ħafna drabi konna nibżgħu nimxu lejn xi ħaġa innovattiva minħabba li dejjem ridna nikkonservaw l-identità Maltija u t-tradizzjonijiet tagħna.”

“Il-poplu Malti forsi bħal kull poplu ieħor jibża’ xi ftit mill-bidla. Naħseb għad jonqosna iktar sabiex nikkritikaw lilna nfusna u rridu nieħdu aktar żmien sakemm nidraw ċerti affarijiet li qed jidħlu b’mod ġdid.”

Iddiskutejna mal-avukat Lynn Chircop Faure dwar Malta indipendenti u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Hi tgħid li aħna bħala pajjiż m’għadx għandna sovranità assoluta minħabba li skont hi pajjiżna qiegħed fi klabb u bħal kull ħaġ’oħra trid toqgħod għar-regoli ta’ dan l-istess klabb. Madankollu, dan ma jfissirx li naċċettaw kollox, iżda jkun hemm ideat li normalment sirna niddibattuhom. Hija ttenni li hemm sfidi kbar, iżda fl-aħħar mill-aħħar kulħadd irid jagħti sehmu sabiex pajjiżna jibqa’ jiżviluppa għall-aħjar. 

L-appell ta’ Chircop Faure dejjem ikun dak li nżommu t-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin u fejn qabel ħafna drabi bħala popolazzjoni konna naċċettaw kollox mingħand il-barranin, illum il-ġurnata rridu nitgħallmu nkunu kritiċi sabiex verament nuru li aħna qed nevolvu għall-aħjar bħala soċjetà.

Din l-intervista mal-kantanta u avukata Maltija tagħlaq b’appell li sa ċertu punt hu marbut anke mal-kanzunetta li kitbet: “Din id-diska hija proprju ringrazzjament li kelli x’ngħaddi lil missirijietna, fejn ħassejt il-ħtieġa li tiġġedded il-wegħda li nagħmlu minn ġenerazzjoni għall-oħra sabiex inżommu l-identità li sawritna f’pajjiż uniku fid-dinja u anke għal min ġej warajna”.

“Importanti ħafna li meta aħna nkunu nanniet jew inkella nies anzjani nkunu rawwimna tfal u żgħażagħ li aktar tard ikunu ċ-ċittadini u l-mexxejja tal-futur li jridu jieħdu d-deċiżjonijiet li jaffettwaw lil pajjiżna b’mod dirett. L-għaqda hi importanti f’dan ir-rigward. Jekk kulħadd jimxi id f’id u nirrispettaw lil xulxin, dal-pajjiż m’hawnx bħalu”.

Ekonomija

Sport