Wednesday, April 24, 2024

“Diġà ftehemt ma’ wieħed mill-kontributuri biex is-sena d-dieħla nagħmlu xi ħaġa ikbar”

Cheyenne Muscat — ġabret iktar minn €7,710 għall-MCCFF

Aqra wkoll


Nhar it-Tnejn li għadda, 26 ta’ Diċembru 2022, Cheyenne Muscat kienet preżenti waqt l-Istrina fejn apparti li wieġbet it-telefonati, hija ppreżentat donazzjoni ta’ €7,710.

Cheyenne hija tfajla Naxxarija ta’ 25 sena li sena ilu skopriet li għandha kanċer. Għal dawn l-aħħar ġimgħat hija ħarġet b’inizjattiva sabiex tgħin biex jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund. Hija tispjega li qatt ma basret li xi darba kienet se tiġi bżonn tal-flus hi stess, tant li ta’ kull sena hi u l-familja tagħha jagħtu d-donazzjoni tagħhom bl-iskop li jgħinu lil ħaddieħor u mhux għax qatt għadditilhom minn moħħhom li se jiġu bżonnhom huma. Cheyenne tgħid li riedet toħloq din il-ġabra għax il-fatt li tgħin lil ħaddieħor iġibilha ħafna ferħ.

Jinġabru kważi €8,000… Minn fejn waslu l-parti l-kbira tad-donazzjonijiet?

“Ma stennejtx li se niġbor dan l-ammont kollu. Għall-ewwel ħsibt li d-donazzjonijiet kienu se jingħataw mill-ħbieb u l-qraba biss,” tesprimi b’ferħ Cheyenne. Il-maġġorparti ta’ dawn id-donazzjonijiet ingħataw mill-kumpanija Tektraco, minn ħaddiem tal-Alberta — li huwa pazjent innifsu u qed jieħu t-trattament hu wkoll – flimkien mal-kollegi tiegħu li taw donazzjoni sabiħa ħafna. Kien hemm ukoll St Claire’s College ta’ Pembroke – l-iskola sekondarja fejn kienet tattendi Cheyenne stess; hija tispjega kif saret attività ta’ ġbir ta’ fondi mill-iskola u parti mill-fondi tawhom lilha sabiex jissapportjawha fl-inizjattiva tagħha — kif ukoll l-iskola primarja tal-Birgu.

Cheyenne biċ-ċekk li ppreżentat fil-jum tal-Istrina. Ritratt: L-Istrina.

Cheyenne tiżvela ma’ Talk.mt li din il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi beħsiebha tniżżilha fil-kalendarju annwali tagħha, tant li tixtieq illi minn sena għall-oħra jirnexxilha tiġbor somma ikbar mis-sena ta’ qabilha. Hija tkompli tgħid li tkellmet ma’ wieħed mill-kontributuri li kien strumentali fil-ġabra ta’ din is-sena u beħsiebhom li s-sena d-dieħla jagħmlu xi ħaġa ikbar.

Meta staqsejnieha biex tiddeskrivi r-reazzjoni tagħha wara li esperjenzat sehem attiv fl-Istrina ta’ din is-sena, Cheyenne qaltilna li ma tistax tiddeskrivi l-ferħ “Li tħoss meta tkun parti mill-imħabba tal-Istrina; ferħ kbir li lanqas qatt ma ħassejt bħalu qabel. Nies iċemplu u għalkemm ma tafx min huma, jawgurawlek li jkollok ħafna saħħa… Indeskrivibbli.”

L-aspirazzjonijiet ta’ Cheyenne għall-futur

“Ma tantx inħobb nippjana għax naf li mhux kollox se jseħħ kif nixtieq jiena, però, qed nispera li l-kumpanija nnifisha tkompli tikber u tirnexxi filwaqt li nispera li saħħti jekk ma tmurx għall-aħjar tibqa’ dejjem stabbli sabiex inkun nista’ nibqa għaddejja b’ħajti b’mod normali,” ittemm Cheyenne.

Sport